Mina | ‘M’għandniex għarfien biżżejjed ... ir-risku huwa għoli ħafna’

Bosta jinsabu kuntenti li d-diskors fuq il-mina qabad rittmu. Imma nafu xi blat se nħaffru? Sar biżżejjed ittestjar tal-blat? Jekk il-mina tikkrolla fejn il-blat huwa dgħajjef, x’jiġri mill-ispiża?

Il-ġeoloġista Peter Gatt
Il-ġeoloġista Peter Gatt

Il-mina bejn Malta u Għawdex, jekk issir, tkun waħda mill-akbar proġetti infrastrutturali. Il-ġeoloġista Peter Gatt iżda, f’intervista ma’ din il-gazzetta jinsisti illi, għalkemm m’għandu l-ebda problema bil-proġett, hemm informazzjoni li għadha mhux fid-dominju pubbliku u li tħalli bosta mistoqsijiet. Aktar minn kollox iżda, il-ġeoloġista jinsisti illi  l-pajjiż mhuwiex ippreparat biżżejjed għal proġett ta’ dan il-kobor, għax m’għandux biżżejjed informazzjoni.

Gatt huwa ġeoloġista li ilu jistudja dan is-suġġett 30 sena, kiteb diversi studji u għamel riċerka illi fiha saħansitra skopra 50 metru ta’ blat li lanqas biss kien fir-rekords ġeoloġiċi ta’ Malta. Dan huwa tip ta’ blat fiż-Żonqor.

“Hemm differenza fl-istratigrafija, ta’ tip ta’ blat li lanqas konna nafu bih,” jgħid Gatt mal-gazzetta ILLUM.

Niftakar lil Gatt jitkellem dwar il-perikli ta’ proġett li kien propost minn Gvern Nazzjonalista ta’ mużew taħt l-art tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dakinhar kien hemm biża’ li dan iwassal għal xquq u perikli fuq il-binja tal-Konkatidral. Allura jekk dak kien perikoluż, kemm hija aktar perikoluża sistema sħiħa ta’ metro taħt l-art jew mina bejn il-gżejjer? Ħafna jibżgħu li din is-sistema ta’ metro se tgħaddi minn taħt darhom u tista’ tikkawża ħsara.

“Is-sitwazzjoni tal-Konkatidral hija kompletament differenti minn din. F’dak il-każ kellek qtugħ ta’ blat ħames sulari ’l isfel u maqtugħ  dritt; xi ħaġa li kienet qed tesponi ħafna lill-blat għal ċediment,” sostna l-ġeoloġista ma’ din il-gazzetta.

“Mina jew metro hija differenti, għax qed toħloq vojt ċirkulari u mhux se tkun ħames sulari ’l isfel,” jispjega Gatt, qabel iżda jfakkar illi dan ma jfissirx li l-proġett ta’ tħaffir ta’ mini jew metro taħt l-art mhux perikoluż. U jkun hawn  li Gatt jitfa’ d-dubji leġittimi fuq il-proġett tal-mina bejn iż-żewġ ġżejjer.

Mina bejn Dellimara u l-Marsa li sfrondat

Gatt ifakkar li meta f’Malta stess sar tħaffir ta’ mina biex jgħaddu cables bejn il-Power Station ta’ Dellimara u dik tal-Marsa, din kienet sfrondat. “Fortunatament ħadd ma weġġa’. Ninnutaw li l-parti li sfrondat kienet fejn il-blat kien l-aktar dgħajjef.”

Huwa jgħid illi meta jiġri hekk tiżdied l-ispiża tal-proġett; fil-fatt fil-każ ta’ din il-mina partikokari, dan il-kroll wassal biex l-ispiża irdoppjat.

Naf pajjiżi fejn id-densità tal-cores kienet ħames darbiet aktar

“Jiġifieri rridu nikkunsidraw mhux biss il-periklu, u dan huwa importanti ħafna, imma wkoll l-ispiża li hemm ċans illi tiżdied minn fuq dak li kien ibbaġitjat.”

Lil hinn mill-metro, li għalissa jidher li se tibqa’ fuq l-ixkaffa, hemm il-proġett tal-mina li għall-inqas bil-kliem jidher li hemm ir-rieda li jsir. X’għarfien għandu Gatt dwar il-ġeoloġija fil-parti bejn Malta u Għawdex fejn qed jissemma li se ssir din il-mina?

Gatt jibda billi jfakkar illi, meta jkun se jsir tħaffir, isiru l-Cores jew inkella eżerċizzju ta’ tħaffir f’partijiet differenti ta’ fejn se jsir it-tħaffir biex ikun magħruf x’tip ta’ blat hemm.

“Issa fil-każ tal-mina bejn il-gżejjer sar dan it-tħaffir, imma d-densità ma kinitx kbira, jiġifieri dan it-tħaffir biex isir bħal sampling tal-blat ma kienx biżżejjed. Id-densità tal-użu tal-Core turik x’tip ta’ blat hemm.”

Jiġifieri qed jgħid li suppost sar aktar tħaffir?

“Iva, naf każijiet barra minn Malta fejn id-densità tat-tħaffir kienet ħames darbiet iktar minn dak li sar hawn,”spjega filwaqt li żied jgħid li apparti d-densità hemm ukoll l-interpretazzjoni tal-cores u min qed jagħmel dik l-interpretazzjoni. “Min jinterpretahom jaf li hemm 50 metru li skoprejt jien li mhumiex dokumentati? Kif se jkunu interpretati dawn il-metri?”

Sostna li Malta lanqas l-istratigrafija m’għandha, jiġifieri l-għarfien tat-tip ta’ blat taħt kull parti ta’ pajjiżna. Hu qal li din hija xi ħaġa straordinarja u fil-fatt turi li dan il-pajjiż m’għandux għarfien tajjeb tal-ġebla li qed jibni, kemm taħtu u anke fuqu.

Gatt fakkar illi meta tkun qed tħaffer taħt il-baħar la għandek GPS u lanqas għandek surveying. “Kull m’għandek il-blat innifsu. Inti trid tmur  minn post għall-ieħor, minn punt (s’issa jidher illi huwa n-Nadur) sa ieħor (s’issa jidher li huwa fil-viċinanzi tal-Limbordin).

“Allura int trid tkun taf minn liema blat trid tgħaddi.”

Imma jekk ħaddieħor għamilha għalfejn aħna le?

Imma ladarba saru mini f’postijiet bħal fil-Channel Tunnel, għalfejn ma nistgħux nagħmlu l-istess hawnhekk?

“Is-sitwazzjoni tagħna hija differenti,” jibda jgħid Gatt. “L-ewwel nett ir-Renju Unit għandu servizz nazzjonali ġeoloġiku u Malta le. Jiġifieri fil-każ ta’ Malta se jkun hemm ħafna mistoqsijiet dwar il-blat u x’hemm u x’m’hemmx. Dan se jitfagħna fi żvantaġġ. Issa jibda joħroġ kollox meta jibdew isiru l-affarijiet,” kważi wissa l-ġeoloġista.

Imma x’jista’ jiġri?

“L-ewwel nett trid tkun ilek tiġbor l-informazzjoni meħtieġa, permezz tas-servizz ġeoloġiku nazzjonali u dan mhux biss biex inkunu nafu x’nistgħu nagħmlu taħt l-art imma anke fuq l-art.” Huwa jgħid li inċidenti bħal dak dwar il-konkos tal-Isptar Mater Dei juru illi hemm nuqqas serju ta’ għarfien dwar it-tip u s-saħħa ta’ x’hemm taħtna.

Jerġa’ jinsisti li n-nuqqas tas-servizz ikun ifisser aktar riskji.

“Mhux biss riskji ta’ ħajja imma wkoll riskji relatati mal-finanzjament tal-proġett.”

Problema ta’ intrużjoni tal-ilma

Ikompli jgħid illi hemm problema oħra; id-dħul tal-ilma. “Jekk jidħollok ftit ilma, iqattar, tista’ tikkontrolla. Imma jekk jidħollok ħafna ilma dan iżid ħafna spejjeż. L-Ingilterra użaw blat li ma tantx jgħaddi ilma minnu, imma aħna m’għandniex dak il-lussu u allura se tkun ħafna iktar diffiċli li twaqqaf l-ilma milli jidħol b’mod naturali.”

F’Malta l-faults huma ħafna ikbar milli bejn l-Ingilterra u Franza

U finalment Gatt isemmi problema oħra li toffri l-ġeoloġija ta’ pajjiżna, kuntrarjament, għall-Ingilterra, il-‘faults’ jew inkella xquq fil-blat riżultat ta’ ċaqliq.

“Bejn il-Mellieħa u l-Għadira, pereżempju, għandek fault kbir u fil-fault hemm ħafna blat imfarrak. Issa jekk se tħaffer dritt f’dak il-fault għandek ċans li jibda jaqa’ l-blat.”

“Il-faults f’pajjiżna huma kbar, madwar 50 metru. Fiċ-Channel Tunnel per eżempju jilħqu massimu ta’ 15-il metru biss. U għandna wkoll dawn il-faults bejn Malta u Għawdex.”

Huwa qal li dan ifisser allura li r-riskji fiċ-Channel Tunnel kienu ħafna inqas, qabel iwissi li f’pajjiżna “se jkollna problemi sostanzjali.”

“Anke jekk tmur lura għal żmien l-Ingliżi meta kienu qed iħaffru u daħlu f’fault, kien waqa’ l-ġebel.”

M’għandniex biżżejjed għarfien

Imma saru studji, din il-gazzetta tfakkar lil Gatt.

“Iva, imma tajjeb nistaqsu xi nstab. Il-blat huwa fond biżżejjed? Fuq liema stratigrafija qgħadna? Sakemm ma jkunx ippubblikat ma nkunux nafu,” sostna Gatt għall-fatt illi għal xi raġuni rapport ġeoloġiku dwar il-proġett tal-mina l-Gvern ma ppubblikahx.

Imma x’qed jgħid eżatt Gatt? Li m’aħniex ippreparati?

“Le, m’għandniex għarfien biżżejjed biex inkunu kunfidenti f’dak li qed nagħmlu, imma r-risku huwa għoli ħafna,” jgħid Gatt.

Għal mument nieqaf naqra biex nifhem aħajr x’inhuma l-implikazzjonijiet ta’ dak kollu li ngħad s’issa.

“Irridu naraw ukoll x’magni se nużaw, pereżempju,” qal il-ġeoloġista, “imma biex inkunu nafu x’magni rridu nużaw, irridu nkunu nafu xi blat għandna u l-varjetà tal-blat li għandna!”

Huwa qal illi l-Gvern qed jieħu parir mingħand min għamel l-istudju imma mhux qed jieħu it-tieni opinjoni, dan għalkemm kif jaf kulħadd li qed isegwi li lanqas l-ewwel opinjoni m’għandna.

U allura finalment, x’inhu l-appell ta’ Gatt għall-awtoritajiet dwar il-mina?

“L-ewwel nett irid ikollna servizz ġeololoġiku,” jerġa’ jisħaq Peter Gatt. Mal-ILLUM li jeħtieġ inkunu nafu x’materjal qed nużaw u fuqiex se nibnu, l-ewwel ħaġa, u t-tieni anke fejn jidħlu barrieri. Nafu kemm għadna materjal ta’ kwalità tajba? Identifikajnieh? U se nbigħu dan il-materjal bi prezz tajjeb? Jew se nibqgħu nbigħuh daqs l-iskart?” 

Hawnhekk idur fuq ir-riklamazzjoni tal-art u jgħid “Qed tissemma x-Xgħajra għar-riklamazzjoni tal-art, u ma sarx core wieħed biex naraw x’se jiġri u x’tip ta’ blat hemm.”

Fil-fatt l-istudju li sar kien determinat fuq il-ħajja fil-baħar.  

“Tajjeb li sar dan l-istudju, imma allaħares noqogħdu biss fuq studju ta’ ħajja fil-baħar!”

Hawnhekk isemmi eżempju ta’ ajruport fil-Ġappun, li dejjem nieżel.

“Din hija problema f’pajjiżna li dejjem ninjoraw il-ġeoloġija,” itemm jgħid Gatt.

More in Politika