Fid-dawl ta;-inċident ikrah li seħħ nhar il-Ħadd filgħaxija fl-Imġarr Carmel Cacopardo Chairperson ta' Alternattiva Demokratika sostna li " l-ferneżija ta' xogħolijiet f'daqqa fuq it-toroq qed iwassal għal nuqqas serju ta' sigurtà li qed ikollha konsegwenzi traġiċi".
Kliem Cacopardo huwa xi ftit jew wisq ta' eku ta' dak li qal l-avukat Franco Debono ftit wara l-inċident f'messaġġ fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook li sigħat wara huwa neħħa.
"Huwa evidenti li mhux qed ikun hemm sinjali biżżejjed biex javżaw is-sewwieqa bil-perikli minn trinek u xogħolijiet oħra. Billejl, ħafna mix-xogħlijiet mhux qed ikollhom dawl li jimmarka l-lant tax-xogħolijiet. Bollards li ukoll suppost jimmarkaw trinek, materjal u nġenji, qed ikunu nieqsa jew mitfugħa f'nofs ta' triq għax jinġarru mir-riħ," sostna Cacopardo.
Ralph Cassar, Segretarju Generali u kelliem dwar l-infratstruttura, energija u trasport qal,"AD tinsisti li l-kuntratturi jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fuq is-saħħa u sigurtà mhux biss tal-ħaddiema tagħhom imma wkoll għal min juża t-toroq. Tinsisti wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jispezzjonaw ix-xogħolijiet biex is-saħħa tal-pubbliku tkun imħarsa. Huwa ta' għajb li l-awtoritajiet u l-Ministri kompetenti qishom mhux interessati fl-istandards tas-sigurtà . Fl-infurzar u fis-sorveljanza pajjizna għadu snin u snin lura minkejja l-ftaħir kollu dwar 'l-aqwa żmien'."