'Dan huwa surplus għan-nies' - PM Joseph Muscat
Il-PM isemmi l-miżura taċ-childcare bħala parti mir-raġuni għas-surplus
More in Politika
Il-PM isemmi l-miżura taċ-childcare bħala parti mir-raġuni għas-surplus
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed isejjaħ is-surpus ta' €250 miljun, li kien żvelat illum fi statistika tal-Eurostat, bħala 'surplus tan-nies'.
F'konferena tal-aħbarijiet f'Kastilja, Muscat qal illi fost il-miżuri li qed iwasslu għal dawn ir-riżultati huwa ċ-childcare b'xejn, miżura illi permezz tagħha iktar nisa ħarġu jaħdmu.
Huwa qal ukoll illi l-pajjiż qed jassorbi aktar fondi mill-Unjoni Ewropea, kuntrarjament "għal dak li kien jiġri qabel" għax il-Gvern għandu l-flus biex jiffinanzja dik il-parti tal-proġett li ma tħallasx l-UE.
Tul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li anke jekk jiġu esklużi 100% tal-fondi li jidħlu mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, il-Gvern xorta kien jirreġistra surplus qawwi ta’ 0.5% tal-GDP kif ipproġetta.
"Dan jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies għax bis-saħħa tas-surplus, id-dejn nazzjonali beda jonqos u llum qiegħed taħt 46% tal-prodott gross domestiku. Dan ifisser li hemm inqas dejn fuq il-poplu Malti u Għawdxi b’mod li l-gvern jista’ jinvesti lura l-flus li qed jagħmel permezz tas-surplus,' spjega l-Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li r-riżultat ta’ din is-sena nkiseb minkejja li fl-2018 kien hemm l-akbar ammont ta’ spiża kapitali li qatt għamel il-Gvern Malti (kważi d-doppju ta’ dik osservata fl-2012).
Fil-fatt, spjega Scicluna, l-ispiża kapitali messet il-€525 miljun. Din l-ispiża tfisser żieda ta’ kważi 50% fuq l-ispiża li saret fl-2017. Li kieku s-sena li għaddiet l-ispiża kapitali baqgħet fuq il-livell li kienet fl-2017, kieku s-surplus kien jaqbeż is-surplus rekord tas-sena ta’ qabel.