Il-PL iressaq 59 kandidat għal Għawdex

'Kburin b’dawn il-kandidati u konvinti bis-sehem li se jkunu qegħdin jagħtu' - Joseph Muscat

Il-PL iressaq il-kandidati Għawdxin
Il-PL iressaq il-kandidati Għawdxin

Il-Partit Laburista għandu 59 kandidat li qed jikkontestaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-lokalitajiet ta’ Għawdex. Meta preżenta dan it-tim b’saħħtu ta’ kandidati, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar kif din hi żieda fuq l-aħħar elezzjonijiet. “Kemm jien kburi li saħħaħna l-kandidatura f’Għawdex,” iddikjara l-Prim Ministru li tkellem dwar l-isfond u l-ħiliet differenti ta’ dawn il-kandidati.

“Kburin b’dawn il-kandidati u konvinti bis-sehem li se jkunu qegħdin jagħtu,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif dawn huma parti minn 400 kandidat li qed jikkontestaw madwar il-pajjiż.  

Joseph Muscat tkellem ukoll dwar kif anke f’Għawdex il-Partit Nazzjonalista prova jilgħab logħba biex iċaħħad persuni milli jmorru jivvotaw billi ma jippreżentax biżżejjed kandidati. F’Għawdex kienu se jkunu milquta kważi 10,000 votant.

“Din hi parti minn strateġija. Huwa pjuttost fantastiku li l-Partit Nazzjonalista, li sa ftit tas-snin ilu kien jgħid li Għawdex hu tiegħu... ma jsibx kandidati f’lokalitajiet fejn storikament kellu maġġoranza sa din il-leġiżlatura stess,” qal il-Prim Ministru li nnota kif il-Partit Nazzjonalista aljena nies li kienu jaħdmu fi ħdanu sa ftit ilu.

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif din hija offiża lejn l-elettorat, inkluż dak li jappoġġja l-Partit Nazzjonalista, u l-votanti Għawdxin jistgħu jwieġbu billi jivvotaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

 

More in Politika