Analiżi | Erba’ sorpriżi. Imma x’se jiġri fil-25 ta' Mejju?
It-tiġrija sal-barkun, imma żgur? U min se jissorprendi l-aktar? U x’se tkun is-sorpriża... jekk ikun hemm? L-ILLUM tanalizza l-possibilitajiet ...
minn Albert Gauci Cunningham
L-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju issa riesqa sew u bħal kull elezzjoni t-tiġrija sal-barkun u ħadd ma jkun jaf x’se jkun ir-riżultat sakemm fil-fatt ikun imħabbar.
Din id-darba l-ħeġġa fil-kampanja jidher illi hija nieqsa hekk kif għal bosta xhur issa s-sondaġġi ilhom juru lill-Partit Nazzjonalista minn taħt u Adrian Delia wara Muscat sew.
Minkejja li rebħa Laburista kważi tidher ċerta, fil-politika xorta waħda xejn mhu ċert. Għalhekk f’dan l-artiklu l-ILLUM se tanalizza l-mistoqsija li għamlet lill-qarrejja fuq l-illum.com.mt u tanalizza aħjar x’inhuma s-sorpriżi (koroh jew sbieħ) li jista’ jkollna nhar is-26 ta’ Mejju (l-għada tal-votazzjoni).
Norman Lowell imur tajjeb u jaqbeż l-20,000 vot
Waħda mill-akbar mistoqsijiet f’din l-elezzjoni hija dik dwar il-vot tal-protesta. Dawk il-kaċċaturi, ambjentalisti, persuni li xebgħu miż-żewġ partiti u dawk li qed jilmentaw li Malta “saret miżbla” għax “imtlejna bil-barranin,” lil min se jivvutaw?
Norman Lowell, miġnun f’għajnejn ħafna u ‘profeta’ f’għajnejn oħrajn, huwa l-aktar kandidat kontroversjali. Sa din il-ġimgħa stess l-illum.com.mt irrapportat kif f’attività tal-Imperium Europa hu sostna li Auschwitz huwa ‘Disneyland’ u li l-Lhud huma wlied ix-xitan. Dan apparti li reġa’ fakkar illi hu favur l-abort għal dawk l-ommijiet li jkunu tqal bi trabi b’diżabilità. Huwa forsi l-aktar kandidat pro-abort u daqshekk fil-miftuħ dwar din il-kwistjoni mill-kandidati kollha.
‘Imma allura, possibbli jista’ jkun li jmur tajjeb?’ jistaqsu bosta nies. Tajjeb jew ħażin, nammettuha jew le, f’Malta bħalissa hawn sentiment qawwi u mifrux ħafna kontra l-miġja tal-barranin f’pajjiżna. Din il-ġimgħa, biex nagħtu eżempju u għal min kellu l-isfortuna li jarah, kien hemm messaġġ fuq Facebook ta’ Indjan li jixtieq isib xogħol f’Malta. L-ammont ta’ tgħajjir li qala’, twissijiet biex ma jiġix hawn u kummenti jmaqdru lil pajjiżna biex jaqtgħulu qalbu kien xokkanti. Prattikament kull biċċa aħbar li tinvolvi barranin, sa turisti Ingliżi f’Buġibba, qed tintlaqa’ bl-għajjat u kummenti dispreġġjativi u oħrajn dwar kif “spiċċat Malta.”
Bil-Partit Nazzjonalista issa wkoll irewwaħ dan is-sentiment għalkemm mill-angolu ta’ nuqqas ta’ ppjanar, issa nfirex aktar id-dwejjaq fuq dik li hemm min isejjaħ “invażjoni.”
Dan kollu qed jagħmel lil Norman Lowell, li ammetta hu stess li huwa Nazzist, popolari fost bosta persuni.
Min qed isegwi lil Lowell bħalissa jinduna li apparti s-soltu politika razzista u l-ambraċċament tal-mibgħeda, hu qed jindirizza b’mod indirett lil-Laburisti b’referenzi kontinwi għal Dom Mintoff u l-fatt illi nhar it-Tnejn fuq ‘Realtà’ qabeż għal Muscat u l-argument dwar l-immigranti u x-xogħol.
Xejra kostanti li qed titfa’ lil Lowell fit-tielet post, wara l-PN
Kieku l-argumenti xenofibiċi ta’ Lowell jagħmilhom kwalunkwe kandidat ieħor hija kważi ċertezza li dan jispiċċa jitkeċċa mit-tiġrija u umiljat. Lowell mhux talli mhux umiljat talli qed jidher fis-sondaġġi u qed jaqbeż liż-żewġ partiti ż-żgħar l-oħrajn.
Fil-fatt, nhar il-Ħadd li għadda f’sondaġġ ippubblikat mill-Mediatoday, Lowell kiseb persentaġġ ta’ voti biżżejjed (1.2%) biex qabeż lill-partiti ż-żgħar kollha. F’kull sondaġġ online li għamlet l-illum.com.mt s’issa minn Diċembru, anke jekk mhux xjentifiku, Norman Lowell dejjem ġab it-tielet l-aktar numru ta’ preferenzi.
F’Novembru f’dan is-sondaġġ online, minn 8,784 li pparteċipaw, 1,223 preferew lil Lowell biex kien it-tielet preferenza fost il-qarrejja tal-illum.com.mt.
Fis-sondaġġ ta’ Jannar, Lowell kien it-tielet preferenza wkoll meta minn 4,835 vot 385 għażlu lilu. Fl-aħħar sondaġġ, jiġiferi dak ta’ April minn 4,839 vot, 670 tal-qarrejja qalu li se jivvutaw lil Lowell fl-elezzjoni ta’ Mejju.
Għalkemm mhux xjentifiku, dan juri konsistenza ta’ Lowell bħala l-iktar kandidat popolari wara l-PN u l-PL fost il-qarrejja tagħna u issa (wara s-sondaġġ), l-aktar popolari wara l-PN u l-PL fuq livell nazzjonali.
Lil hinn mis-sondaġġi iżda, Lowell dejjem żied il-voti f’kull waħda mit-tliet elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Fl-2004 kiseb 1,603 voti, fl-2009 kiseb 3,559 voti biex imbagħad fl-2014 kiseb 6,205 voti.
Allura fejn hi s-sorpriża? Jekk Lowell jikseb mat-12,000 vot, filwaqt li jkun qed jirdoppja l-voti u jisfida lill-partiti ż-żgħar waħda sew, xorta ma jkunx sfida kbira biżżejjed għall-PN u l-PL u ’l bogħod sew minn siġġu fi Brussell.
Jekk iżda, l-ilmenti u l-garr, jittrrasformaw ruħhom f’20,000 vot għal Lowell jew aktar inkunu dħalna f’territorju ġdid, fejn dan il-kandidat tal-lemin estrem ikun tassew sar forza elettorali, minkejja l-ħsibijiet tiegħu u jiġi qrib li jieħu siġġu (għalkemm xorta ma jiħdux). F’dan il-każ definittivament ikun heżżeż waħda sew lill-fundamenti politiċi ta’ Malta.
Jonqos id-distakk tal-2017...
L-akbar sorpriża tal-elezzjoni ta’ Mejju tkun jekk jiġri dak li kważi ħadd mhu qed jara li jista’ jiġri, jew għall-inqas ħadd mhu qed jgħid fil-pubbliku li jista’ jiġri.
Skont is-sondaġġ xjentifiku tal-Mediatoday, 22% ta’ dawk li pparteċipaw qed jgħidu li mhux se jivvutaw jew inkella ma jafux kif se jivvutaw. Ejja ngħidu li dawk li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw fil-fatt ma jivvutawx. Anke jekk dawk kollha li qed jgħidu li ma jafux kif se jivvutaw, jivvutaw kollha PN, il-partit fl-oppożizzjoni xorta jibqa’ madwar 2% wara l-Partit Laburista.
L-istess sondaġġ juri kif minn dawk li vvutaw PL fl-2017 huma kważi 84% li se jagħmlu l-istess, filwaqt li minn dawk li vvutaw PN huma 70.5% li se jerġgħu jagħmlu l-istess. Dan hekk kif aktar Nazzjonalisti beħsiebhom jivvutaw AD u 14.8% minn dawk li vvutaw PN fl-2017 ma jafux kif se jivvutaw.
Meta tħares lejn in-numri tirrealizza li biex din is-sorpriża sseħħ irid ikun hemm wieħed minn dawn il-fatturi: l-ewwel, dawk in-Nazzjonalisti li qed jgħidu illi mhux se jivvotaw, fil-fatt jivvotaw u jivvotaw lill-PN, jew inkella jiżdiedu dawk il-Laburisti (bħalissa 7.6% mill-vot Laburista fl-2017) li qed jgħidu illi mhux se jivvotaw jew inkella aktar Laburisti jiddeċiedu li jivvotaw lil Lowell jew inkella hemm fattur enormi ta’ nies li qed jgħidu li se jivvutaw mod, imbagħad jagħmlu ieħor.
Hu x’inhu, ix-xenarju li l-PN inqas id-distakk u jnaqqsu b’10,000 hija diffiċli u xenarju li ftit persuni fid-dinja politika u medjatika ta’ Malta qed jikkontemplaw.
Jekk isseħħ din il-possibbilità u d-distakk jonqos għal 20,000-25,000 tkun rebħa kbira ħafna għall-PN u Delia jkun assigura postu sal-2022, filwaqt li tkun tbeżbiża tajba għall-Gvern ta’ Muscat u probabbilment dan it-tip ta’ distakk jassigura wkoll li Muscat jibqa’ biex jipprova jerġa’ jikseb dak li tilef sal-2022.
S’issa s-sondaġġi, xjentifiċi u le, qed juru illi din il-possibbilità hija remota ħafna.
Il-Gvern iżid id-distakk u jaqbeż il-50,000
Jekk dawk li ma jafux kif se jivvutaw jinqasmu, il-PN ma jirkuprax il-voti tiegħu li ma jridux jivvutaw, il-Labour jikkonvinċi lil dawk li ma jridux jivvutaw u l-PN le, nidħlu fiċ-ċans illi naraw id-distakk jerġa’ jiżdied mill-aħħar elezzjoni u jilħaq ammonti rekord.
Dan fil-fatt mhux xi xenarju impossibbli u huwa iktar reali mix-xenarju ‘sorpriża’ illi fih il-PN inaqqas id-distakk.
Naturalment din tkun sorpriża kerha ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Dan ix-xenarju fil-fatt jerġa’ jitfa’ lill-PN f’turbulenzi u żmien ta’ inkwiet politiku serju, filwaqt li taf theżżeż lit-tmexxija ta’ Delia.
Cassola, PD jew AD itellgħu MEP
Fil-bidu ta’ dan l-artiklu għidna illi hemm vot ta’ protesta u dan jista’ jmur għand Lowell. Naturalment hemm ħafna votanti oħrajn li ma jridux jivvutaw lill-PN jew il-PL, imma li qatt mhux se jaslu jivvutaw lill-Imperium Europa.
L-Alternattiva Demokratika, għandha bażi ta’ appoġġ, jiġifieri nies li dejjem ivvutaw lilha. Imma kif nafu dan mhux biżżejjed biex l-AD tagħmel ħoss u allura se jkollha bżonn tattira dawk il-votanti li xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom bil-qerda tal-ambjent u l-kostruzzjoni kullimkien. Mina Tolu, minkejja wirja ħażina ħafna fl-ewwel dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir, għandha karatteristiċi li jinżlu tajjeb mal-votant liberali, moderat u b’kuxjenza ambjentali. Flimkien ma’ Carmel Cacopardo tista’ tattira xi ftit ta’ voti mill-partiti ikbar.
Il-Partit Demokratiku se jiddependi ħafna fuq il-vot ta’ protesta Nazzjonalist. Fejn qabel seta’ deher illi l-PD għandu ċans li jmur tajjeb b’votanti diżillużi bit-tmexxija ta’ Delia, fl-aħħar ġimgħat u xhur deher dejjem iktar ċar li din is-sezzjoni ta’ Nazzjonalisti iktar qed tħares lejn vot lil David Casa u Roberta Metsola milli lil partit ieħor. Dan allura jikkomplika l-affarijiet għall-PD li kuntrarjament għall-AD m’għandux xi bażi ta’ votant tradizzjonali.
Jista’ jkun li jagħmel ftit ħoss Godfrey Farrugia, eks Ministru u eks Deputat Laburista, għalkemm fl-ewwel ġimagħtejn tal-kampanja (din l-analiżi nkitbet nhar it-Tlieta li għadda) ma tantx deher jikkampanja wisq. Fl-ewwel ftit tal-kampanja, kważi l-ewwel nofs, il-PD ma tantx deher wisq entużjast.
Finalment, hemm kandidati indipendenti. Għalkemm wieħed ma jista’ jeskludi xejn jidher illi l-aktar kandidat indipendenti li għandu ċans jikseb ammont rispettabbli ta’ voti huwa Arnold Cassola.
Cassola mhux ġdid għal din l-elezzjoni u huwa l-kandidat illi kiseb l-akbar numru ta’ voti f’isem l-AD f’kull elezzjoni li qatt ipparteċipa fiha dan il-partit. Fl-2004 Cassola kien kiseb ammont kbir ta’ 22,938 vot u allura, sena wara d-dħul ta’ Malta fl-UE, l-AD kienet għamlet l-akbar suċċess tagħha. Fl-2009 iżda reġa’ niżel biex kiseb 5,235 u fl-2014 baqa’ prattikament l-istess u kiseb 5,891 vot. F’kull każ hu kien l-akbar porzjon ta’ voti lill-AD.
Imma allura dawk kienu voti ‘tiegħu’ li se jivvotaw lilu dejjem, jew kienu voti tal-AD li allura issa se jabbandunawh għax m’għadux mal-AD? Dak narawh f’Mejju li ġej.