Il-pajjiż għandu fuq idejh l-ewwel qtil razzista fl-aħħar snin u dan hekk kif suldat tal-Forzi Armati kien arrestat fl-aħħar sigħat u akkużat bil-qtil tal-immigrant Lassana Cisse Souleyman, f'Ħal Far nhar is-6 ta' April li għadda. L-ewwel suspettat ammetta ili kien parti mill-grupp ta' nies illi qatlu lil dan ir-raġel kiesaħ u biered, għalkemm sostna mal-Pulizija li ma kienx hu li sparalu.
Jidher illi t-tfittxija biex tkun arrestata t-tieni persuna kienet suċċess. It-tieni akkużat huwa suldat tal-Forzi Armati wkoll.
Jidher illi ma kien hemmx rabta bejn dawn l-akkużati u l-immigranti u allura kollox qed jindika li dan ir-raġel inqatel sempliċiment għaliex kien ta' karnaġġjon skur.
Lassana kien miexi f'Birżebbuġa ma' żewġt irġiel oħra fi Triq tal-Ġebel fil-11:00 p.m dakinhar tal-qtil, meta nstemgħu tiri minn karozza, issuspettata li hi Toyota Starlet
Il-vittmi l-oħrajn huma raġel mill-Guinea u raġel ieħor ta' 28 sena mill-Gambja u dawn sofrew minn ġrieħi u nstabu ftit biss 'il bogħod minn Lassana.
Triq il-Ġebel hija trejqa li minn Birżebbuġa twassal għal Triq iż-Żurrieq, fl-istess lokalità u hija użata wkoll minn residenti taċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far, fejn kienu jgħixu dawn it-tlieta.
Wieħed minn dawk li baqgħu ħajjin sostna, f'intervista mal-ġurnal The Times, illi jiftakar kif il-bullet daħal minn ġenbejn u ħareġ minn oħra, qabel waqa' u ntilef minn sensieh.
Iż-żewġ vittmi li baqgħu ħajjin kienu ġew mill-Italja u ma setgħux imorru lura f'impjieg fl-Italja stess biex iġeddu d-dokumenti tagħhom.