Analiżi | X’jaqblilhom u x’ma jaqblilhomx li jkun l-eżitu nhar il-Ħadd
Nhar il-Ħadd inkunu nafu min rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u min se jkunu s-sitt MEPs Maltin. Imma Joseph Muscat x’jaqbillu? Li jkabbar jew iċekken id-distakk? U Delia? U Lowell fejn irid? U Casa x’jeħtieġ illi jagħmel?
minn Albert Gauci Cunningham
Ftit jiem oħra nkunu nafu min rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, min tilef u aktar tard mal-ġurnata nsiru nafu min huma s-sitt Membri Parlamentari Ewropej li se jkunu qed jirrappreżentawna fi Brussell.
Simili għal dak li għamlet fil-kampanja elettorali tal-2017 din il-gazzetta se tagħti ħarsa lejn min għandu x’jitlef u min għandu x’jirbaħ mir-riżultat ta’ nhar il-Ħadd li ġej.
Muscat: irid isaħħaħ mhux inaqqas id-distakk, inkella...
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat irid, kważi akkost ta’ kollox, jara li d-distakk ma jonqosx. Jekk jonqos id-distakk b’mod qawwi biżżejjed, bla dubju li tkun sajjetta fil-bnazzi.
Muscat dejjem jaqbillu illi jkollu rebħa b’distakk ta’ aktar minn 40,000 vot għal diversi raġunijet. L-ewwel nett jekk jitlaq mix-xena politika lokali jkun telaq fl-ogħla punt fil-karriera tiegħu wara rebħa storika li bħalha qatt ma seħħet. Dan id-distakk jagħtih iċ-ċans tal-‘golden exit’ bir-rekord tiegħu jkun dejjem rebħa ikbar minn oħra, bl-iżgħar tkun 33,000 distakk fuq il-PN fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2009.
Muscat, probabbilment jaf illi t-triq wara l-25 ta’ Mejju mhux neċessarjament se tkun ’il fuq. It-tgergir qed jiżdied, speċjalment dwar il-barranin, l-ambjent, il-pagi, il-kirjiet u l-prezzijiet. Dan apparti li l-PN mhux neċessarjament (għalkemm jista’ jkun) jibqa’ nieżel ’l isfel u jibda jirkupra xi ftit mill-voti u l-fiduċja illi tilef.
Jekk jonqos id-distakk b’aktar minn 10,000 vot, ikun sinjal ikrah għal-Labour u l-ewwel konsenturi reali li jistgħu juru illi t-triq tan-niżla bdiet.
Għalkemm Muscat ma jaqbillux li jonqos id-distakk ħalli jitlaq bil-kbir (jekk jitlaq), jista’ jkun li fit-tul il-Partit Laburista jaqbillu illi jitlef ftit mis-saħħa li kellu fl-2017 għal raġuni partikolari. L-ewwel nett tnaqqis żgħir jew inkella medju (-10,000) tista’ tagħti tama falza lill-Partit Nazzjonalista li jibda jaħseb illi għall-2022 jew ġewwa x-xilep jew inkella li għandu ċans kbir li jirbaħ. Dan meta fil-fatt dawk l-10,000 jistgħu jkunu Laburisti diżillużi li f’elezzjoni ġenerali xorta jivvutaw PL jew inkella voti Laburisti li nhar il-25 ta’ Mejju se jmorru għand Norman Lowell.
L-agħar riżultat tal-PN għalhekk se jkun jekk jonqos id-distakk bi ftit biss, għaliex jista’ jibgħat il-messaġġ illi verament qed jidhru r-riżultati meta fil-fatt dan ma jkunx minnu. Dan ġara fl-2015, meta bosta fil-PN bdew jemmnu li t-titjib konsiderevoli fir-riżultat tal-elezzjoni tal-kunsilli Lokali kien ifisser titjib fuq bażi nazzjonali. Dakinhar l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kien qal illi l-partit kien wasal ‘nofs triq’ fost sentiment ta’ ċelebrazzjoni fin-Naxxar. Kif nafu dan ma kienx minnu u fl-2017 il-PN tilef b’marġini ikbar mill-2013.
Biex ikun sigur li verament beda jnaqqar u jhedded l-eġemonija Laburista d-distakk irid jinżel taħt il-25,000 vot.
Delia: akkost ta’ kollox irid jara li d-distakk jonqos sew, inkella...
Ninsew l-impatt tar-riżlutat tal-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju. Adrian Delia jaqbillu illi fl-ewwel elezzjoni tiegħu bħala Kap tal-PN għall-inqas inaqqas id-distakk bi ftit, tagħti kemm tagħti tama falza lill-għeruq tal-PN.
L-argument, anke ta’ Frank Psaila fuq din il-gazzetta stess (ara paġni 12 u 13) huwa li Delia huwa ‘work in progress’ u allura m’għandux ikun iġġudikat biss wara l-ewwel sena. Dan huwa minnu, iżda l-politika mhix eżattament arti ġusta u distakk ikbar jista’ jgħaddi messaġġi ħżiena ħafna. Distakk ikbar ifisser (fil-ħsieb tal-kollettiv) illi Delia mar lura flok ’il quddiem, li huwa ‘agħar’ minn Simon Busuttil, li ma kienx konvinċenti biżżejjed fil-kampanja u jilleġittimizza, għall-ewwel darba, l-għajta biex jitneħħa minn kap.
Meta s-sondaġġi qed juru illi hija kważi impossibbli li tiġri, Delia jaqbillu li jonqos dak id-distakk, anke jekk minimament (circa 5,000 biex jiġi -35,000). Anke jekk mhux biżżejjed, dan juri illi hemm xi forma ta’ riżultati. Dan ikun vera l-‘work in progress’ għax kif tgħid il-kelma; ‘progress’ mhux rigress.
Jekk id-distakk jiżdied bi ftit forsi jkun jista’ jġaħġaħha Delia. Jekk id-distakk jikber b’mod qawwi, jgħid x’jgħid u jrid xi jrid Delia, it-tmexxija tiegħu se ssib l-akbar ostaklu s’issa.
Norman Lowell: jikseb l-akbar numru ta’ voti wara l-PN u l-PL
Norman Lowell, il-kandidat tal-lemin estrem, jidher li għandu bażi ta’ popolarità ikbar minn snin oħra.
Iċ-ċans li Lowell itella’ siġġu huwa xi ftit remot għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett huwa improbabbli li jkollu biżżejjed unijiet biex ikollu ċans ikun elett u t-tieni u aktar importanti huwa improbbabli wkoll li jkun fil-wirt ta’ kandidati oħrajn.
Il-mira ta’ Lowell hija li jkun meqjus bħala t-tielet l-akbar forza fil-pajjiż f’termini ta’ numri, ikbar mill-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku b’tal-ewwel ilu jopera mid-90ijiet u t-tnejn bi statut.
Jekk Lowell jaqbeż lil dawn u jaqbeż ukoll lill-kandidati indipendenti jkun poġġa lilu nnifsu f’post fejn ikun diffiċli jiġi injorat. Ma tistax kompletament tinjora t-tielet l-aktar partit popolari f’pajjiż!
Jekk, min-naħa l-oħra Lowell ma jaqbiżx lil dawn il-partiti u jikseb numru ta’ voti li huwa viċin dak ta’ ħames snin ilu, ftit ikun għamel progress reali u allura ftit ikun jista’ jittieħed bis-serjetà speċjalment wara elezzjoni illi l-aspettattiva hija li jmur tajjeb fiha.
PD jaqbillu illi jikseb ammont rispettabbli ta’ voti, inkella...
Il-Partit Demokratiku l-ewwel darba li se jikkontesta elezzjoni waħdu, wara illi fl-2017 ikkontesta fuq l-istess lista mal-PN .
F’din l-elezzjoni l-PD jaqbillu illi jikseb ammont rispettabbli ta’ voti li, minimament, jaqbżu l-5,000 vot, biex tal-inqas juri illi għandu bażi ta’ segwaċi.
Jista’ jkun li l-PD igawdi minn vot ta’ protesta min-Nazzjonalisti li mhuma xejn kuntenti bis-sitwazzjoni tal-partit. Dan il-vot ta’ protesta la nafu kemm hu kbir u lanqas qed jidher fis-sondaġġi li qed ikunu ppubblikati.
Jidher illi l-aktar kandidati li għandhom ċans jiksbu numru rispettabbli ta’ voti u li ħerġin mal-PD huma l-eks Ministru Laburista Godfrey Farrugia u l-ambjentalista Cami Appelgren.
David Casa: jieħu post Frank Psaila jekk il-PN jirbaħ żewġ siġġijiet biss
U finalment hemm David Casa, li jista’ jkun l-unika MEP kurrenti li kien elett fl-aħħar elezzjoni u li ma jkunx elett issa (Francis Zammit Dimech ma kienx elett fl-elezzjoni imma wara elezzjoni każwali wara li tbattal il-post ta’ Therese Commidini Cachia).
Kif irrappurtat din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, Casa u Frank Psaila qegħdin f’battalja għat-tieni siġġu li jaf ikun l-aħħar siġġu li jikseb il-PN.
L-MEP, li apparti l-antipatija kontrih mil-Laburisti, kellu wkoll imdendlin fuqu, akkużi dwar droga, se jkollu jittama għal diversi xenarji: 1) li biżżejjed Nazzjonalisti, speċjalment dawk li kienu jsegwu lil Daphne Caruana Galizia jivvutawlu, 2) li biżżejjed persuni li jivvotaw lil Metsola jagħtuh it-tieni preferenza 3) li Metsola tkun eletta kemm jista’ jkun malajr ħalli taqa’ u d-duwijiet li jikseb mingħandha jgħinuh jitla’ 4) kemm jista’ jkun jitla’ malajr hu ħalli ma jaqgħux kandidati oħrajn u d-duwijiet tagħhom imorru għand Frank Psaila u finalment 5) ma’ Peter Aguis jaqbżux bl-unijiet u ‘donkey votes’.
Il-lista hija twila imma Casa qed jittama li tmissu x-xorti u l-2019 ma tibqax imfakkra bħala s-sena li fiha tilef is-siġġu li ilu għandu mill-2004.