L-AĠ jirrifjuta talba biex jissorvelja kontijiet bankarji marbuta mal-VGH

Dan wara li l-Qorti, fuq talba ta' Repubblika, talbet lill-Avukat Ġenerali biex jissorvelja kontijiet bankarji marbuta ma' Ray Tumuluri

L-Avukat Ġenerali rrifjuta talba tal-Qorti biex l-uffiċċju tiegħu jordna sorveljanza fuq il-kontijiet bankarji marbuta ma’ għadd ta’ kumpaniji li huma ta’ Ray Tumuluri, l-eks direttur tal-Vitals Global Healthcare.

Kien is-sit The Shift News li nhar il-Ġimgħa rrapporta kif Tumuluri kien qed jagħlaq disa’ kumpaniji f’Jersey. Dakinhar stess, Repubblika ressqu rikors il-Qorti u talbu lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex titlob lill-Avukat Ġenerali joħroġ Ordni Ewropea għall-Investigazzjoni (European Investigative Order.)

Filgħaxja, il-Qorti għarrfet lill-Avukat Ġenerali b'din it-talba biex jieħu l-passi kollha neċessarji biex jordna s-sorveljanza.

Madanakollu, kellha tiddeċiedi dwar l-Ordni Ewropea għall-Investigazzjoni aktar tard.

Illum, l-Avukat Ġenerali wieġeb għal din l-ordni u qal li l-liġi tagħtih il-poter li joħroġ ordni ta’ sorveljanza fuq bank, iżda rrefera wkoll għal Artiklu 91(3) tal-Kostituzzjoni li jgħid li l-Avukat Ġenerali ma għandux ikun soġġett għal direzzjoni jew kontroll ta’ persuni jew awtorità.

Saħaq ukoll li l-Qorti ma kelliex il-kompetenza legali biex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni li saret il-Ġimgħa stess u li l-irwol tagħha f’ dan l-istadju huwa li tiddeċiedi jekk hemmx il-prerekwiżiti kollha biex issir inkjesta.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-istess NGO talbet għal inkjesta maġisterjali waqt li saħqet li l-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi taw vantaġġ lill-investituri tal-VGH fil-proċess tal-għażla għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-isptarijiet San Luqa u Karin Grech.

L-attivisti qed jinsistu li minkejja li hemm biżżejjed evidenza, l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma għamlux xogħolhom u ma ħadu l-ebda azzjoni dwar “suspett serju ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.”

More in Politika