Illum se jibdew jingħaddu l-voti tal-elezzjonijiet lokali li għall-ewwel darba saru kollha kemm huma f'ġurnata waħda.
Għalkemm il-voti għadhom wiċċhom 'l isfel, hu mistenni li l-Partit Nazzjonalista jġarrab telfa kbira oħra f'dawn l-elezzjonijiet u dan qed jindikawh ukoll it-turnouts. Fil-fatt, f'lokalitajiet bħalma huma Tas-Sliema, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar ħarġu jivvutaw inqas minn 40% ta' dawk eliġibbli.
Dan ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista se jitlef il-lokalitajiet kollha li kienu tiegħu, iżda jista' jagħti l-każ li jitlef xi wħud mil-lokalitajiet kruċjali li għandu f'idejh.
Fil-Belt Valletta, il-Partit Nazzjonalista donnu li diġà beda jdoqq l-irtirata. Is-Sindku Belti, Christian Micallef, kiteb fuq Facebook li d-distakk bejn il-partiti mistenni jkun viċin ħafna u sal-bieraħ stess saħaq li t-tournout ma tantx qed jgħin. Għall-kuntrarju, il-kandidat Laburista Ray Azzopardi, li qed jaspira li jkun is-Sindku tal-Kapitali, ilu jikteb u jisħaq li l-poplu Belti vvota għall-bidla.
Fil-fatt, meta mqabbel mal-aħħar elezzjoni lokali, it-turnout kien ta' 19.5% inqas minn dak tal-2013, f'liema elezzjoni lokali l-Partit Nazzjonalista kiseb biss maġġoranza ta' ftit għexieren ta' voti.
Lokalitajiet oħra importanti li llum se jkunu qed jingħaddu l-voti tagħhom huma l-Mellieħa, in-Nadur, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar.
It-turnouts, f'dawn il-lokalitajiet kollha kien wieħed baxx. F'San Pawl il-Baħar u f'San Ġiljan, iktar minn 60% ma jivvutawx.
Il-lokalità ta' San Pawl il-Baħar taf tkun l-aktar waħda missielta llum. Hija l-akbar lokalità u ż-żewġ partiti jippruvaw jagħmlu minn kollox biex joħduha taħt idhom.
Fl-aħħar snin, dan il-kunsill għadda minn ħafna. Irriżenjaw kunsilliera Nazzjonalisti għax ma kellhomx fiduċja f'Adrian Delia u rriżenjat ukoll is-Sindku Graziella Galea għax sħabha kunsilliera Nazzjonalisti kienu se jivvutaw kontriha f'vot ta' sfiduċja.
Madanakollu, iż-żewġ partiti ħarġu tim b'saħħtu ta' kandidati biex jirbħu dan il-kunsill, anke l-Partit Nazzjonalista li mbotta 'l quddiem lil ħu l-Kap Nazzjonalista.
Lokalità oħra li taf tkun interessanti llum hija dik ta' Pembroke. It-turnout f'Pembroke kien ta' 40% inqas minn dak tal-aħħar elezzjoni lokali. Wieħed għad irid jara x'effett se jkolli l-proġett kontoversjali tad-db Group li minkejja r-reżistenza qawwija tar-residenti, ġie approvat u se jkun qed jinbena fuq l-art fejn kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
Illejla se nkunu nafu kif se jkunu ffurmati l-kunsilli lokali ta' dawn il-lokalitajiet: Birżebbuġa, Għajnsielem, Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Tarxien, Ħaż-Żebbuġ, il-Belt Valletta, il-Fontana, il-Marsa, il-Mellieħa, il-Qrendi, in-Nadur, ix-Xewkija, iż-Żejtun, iż-Żurrieq, l-Għasri, l-Iklin, l-Imqabba, Pembroke, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Santa Venera u Ta' Xbiex.
Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġornakom kontinwament b'dak li se jkun qiegħed għaddew fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. Mis-2:00pm se jibdew jinfetħu l-kaxxi, biex madwar il-5:00pm jibda l-proċess tal-għadd tal-voti. L-ewwel riżultati nkunu nafuhom tard illum.