Miriam Dalli se tkun il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin. Dan kien maqbul unanimament f’laqgħa tal-istess delegazzjoni li għaliha attendew l-erba’ Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’isem il-Partit Laburista s-Sibt li għadda.
Wara li reġgħet kienet eletta f’elezzjoni li kisbet 63,438 vot tal-ewwel preferenza din se tkun it-tieni leġiżlatura li fiha Miriam Dalli sservi fil-Parlament Ewropew.
Meta kkummentat dwar l-għażla tagħha bħala Kap tad-Delegazzjoni, Dalli qalet: “Nirringrazja lil sħabi ta’ din il-fiduċja u nħares ‘il quddiem biex bħala tim ta’ erba’ MEPs f’isem il-Partit Laburista naħdmu fl-interess ta’ pajjiżna u ċ-ċittadini tiegħu. Pajjiżna mexa ħafna ‘l quddiem, iżda rridu nużaw il-fiduċja li tagħna l-poplu biex niksbu iktar”
Fil-leġiżlatura li għaddiet Dalli kienet fdata b’liġijiet u rapporti importanti fil-Parlament Ewropew u ġurnali awtorevoli dwar politika internazzjonali poġġewha fost l-iktar MEPs u politiċi li għamlu differenza fl-Ewropa.
Matul l-istess laqgħa kienu diskussi l-prijoritajiet li fuqhom se jiffukaw l-MEPs tal-Partit Laburista fix-xhur li ġejjin.