Il-Fontana: Minn fortizza PN għall-maġġoranza ta' voti għall-Labour

...iżda l-Partit Nazzjonalista jeleġġi aktar siġġijiet u se jmexxi l-kunsill hu

Il-Fonatana: Minn fortizza Nazzjonalista, għal ...
Il-Fonatana: Minn fortizza Nazzjonalista, għal ...

Il-Fontana, għalkemm lokalità żgħira bi ftit aktar minn 900 vot irreġistrat, bidlet il-folja u minn maġġoranza kbira Nazzjonalista spiċċat lokalità b'maġġoranza ta' voti favur il-Partit Laburista. 

Fil-fatt, il-Partit Laburista ġab 52% tal-voti u l-Partit Nazzjonalista 48% tal-voti. Minkejja dan, il-Partit Nazzjonalista tella' aktar siġġijiet u se jkun qed imexxi dan il-kunsill lokali.

Il-Fontana tista’ titqies bħala lokalità żgħira li kienet Nazzjonalista. Fl-aħħar tliet elezzjonijiet lokali, il-Partit Nazzjonalista dejjem kien kiseb aktar minn 60% tal-voti u dan anke jekk id-distakk, f’termini ta’ voti, mhuwiex xi wieħed kbir, ġaladarba l-popolazzjoni tal-Fontana hija żgħira.

L-istorja tal-elezzjonijiet f'din il-lokalità żgħira

Fl-2005, sena wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-aqwa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kiseb 341 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 208 voti, biex b’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 62% tal-voti.

Fl-2008, għall-kuntrarju tal-2005, l-elezzjoni lokali mhux talli ma saritx waħedha, talli saret ma’ elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Forsi għax aktar nies ħarġu jivvutaw, iż-żewġ partiti żiedu l-voti, partikolarment il-Partit Nazzjonalista, tant li kiseb 67% tal-voti.

B’kollox, il-Partit Nazzjonalista, dakinhar, kien kiseb 436 vot u l-Partit Laburista 214-il vot.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni ġenerali tal-2013 li rebaħ il-Partit Laburista. Għalkemm dan kien l-inqas distakk li kiseb il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin fil-Fontana, f’termini ta’ persentaġġ kien għadu b’saħħtu, jiġifieri 61.79% tal-voti.

Dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista naqqas ftit voti biex kiseb 427 vot u l-Partit Laburista żied il-voti biex kiseb 264 vot.

Fil-Fontana, iż-żewġ partiti ħarġu erba’ kandidati kull wieħed.

More in Politika