Il-Partit Laburista rebaħ f'Tal-Pietà u rebaħ bil-qawwi hekk kif ħa erba' siġġijiet minn ħamsa. Din hija t-tieni rebħa Laburista f'din il-lokalità li fil-passat ukoll kienet waħda b'maġġoranza komda Nazzjonalista.
Keith Tanti kien ikkonfermat Sindku ta' din il-lokalita.
Il-PL kiseb rekord ta' 69.3% f'din il-lokalità filwaqt li l-PN kiseb biss 30.6%.
Storja ta' elezzjonijiet f'Tal-Pietà
Fl-2006, meta ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra apparti tal-kunsill, il-Partit Laburista fil-Pietà kiseb 1,049 vot u l-Partit Nazzjonalista ġab 991 vot biex id-distakk kien dak ta’ 58 vot. Fl-2009, meta apparti għall-kunsill, in-nies tal-Pietà ħarġu jivvutaw għall-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista rebaħ il-kunsill b’125 vot wara li kiseb 1,257 vot kontra l-1,132 li ġabu bejniethom il-kandidati tal-Partit Laburista.
Meta fl-2013, l-istess lokalità vvutat kemm fl-elezzjoni tal-kunsill lokali u anke fl-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista reġa’ ħa f’idu l-kunsill b’106 voti wara li kiseb 1,430 vot kontra l-1,327 vot li kiseb il-Partit Nazzjonalista.
Il-PN iżomm Ħal Lija
Intant il-Partit Nazzjonalista baqa' jżomm il-lokalità ta' Ħal Lija li dejjem kellha maġġoranzi Laburisti. Il-PN huwa mistenni li jżomm tliet siġġijiet u l-PL ikollu tnejn.
Fil-fatt f'Ħal Lija il-PN kiseb 66% u l-PL kiseb 44%.
Fl-2006, meta l-poplu ta’ Ħal Lija ntalab jivvota għall-elezzjoni lokali biss, il-PN kiseb 828 vot filwaqt li l-PL kiseb 544 vot jew 37%. Id-distakk kien ta’ 284 b’kollox. Fl-2009, meta saret ukoll l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista żied il-voti għal 1,203 voti biex żied id-distakk b’mod qawwi għal 603 voti. Il-PL ukoll żied numru ta’ voti, imma ż-żieda kienet pjuttost insinifikanti b’66 vot.
Fl-2013 imbagħad, meta r-residenti ta’ Ħal Lija ħarġu jivvutaw ukoll għall-elezzjoni ġenerali, il-PN reġa’ żied il-voti u b’1,339 allura kiseb l-aqwa riżultat mill-2006, b’żieda ta’ 136 mill-2009. Il-PL reġa’ żied ukoll 80 vot biex id-distakk reġa’ tela’ għal 656 vot.