L-ewwel indikazzjonijiet huma li fir-Rabat Malta l-Partit Laburista se jżomm il-maġġoranza fil-lokalità tar-Rabat, waħda mill-lokalitajiet kruċjali fl-għadd tal-voti llum fin-Naxxar. Ir-Rabat kienet fl-aħbarijiet, speċjalment fuq il-gazzetta ILLUM, hekk kif l-eks Sindku Rabti Charles Azzopardi kien akkużat b'miżapproprijazzjoni ta' fondi, allegazzjonijiet li Azzopardi dejjem ċaħad.
Ir-Rabat hija wkoll il-lokalità sinonima mal-kaċċaturi u n-nassaba.
L-istorja elettrorali tar-Rabat - Il-partiti jibdew ras imb ras iżda l-PL jitlaq jiġri ’l quddiem
Sal-elezzjoni lokali tal-2006, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kienu ras imb ras fil-lokalità tar-Rabat, li tiġbor fiha żoni oħra fosthom il-Baħrija. Madanakollu, fl-elezzjonijiet lokali li ġew wara, jiġifieri dawk tal-2009 u tal-2013, anke jekk iż-żewġ partiti dejjem żiedu l-voti, il-Partit Laburista ġera ’l quddiem biex sal-aħħar elezzjoni lokali d-distakk kien ta’ madwar 1,000 vot.
Fl-elezzjoni lokali tal-2006, jiġifieri sentejn wara li l-Partit Laburista rebaħ b’distakk qawwi l-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew u sentejn qabel ma l-Partit Nazzjonalista rebaħ elezzjoni ġenerali bi żbrixx, il-Partit Laburista rebaħ il-kunsill Rabti bi 3,481 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 3,208 voti. Dan ifisser li sal-2006, id-distakk bejn iż-żewġ partiti kien dak ta’ 273 vot.
L-elezzjoni lokali li kien imiss seħħet fl-2009, fl-istess jum li fih kien hemm l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. F’din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista żied biss 63 vot, filwaqt li l-Partit Laburista żied 721, biex rebaħ il-Kunsill Lokali b’distakk ta’ 931 vot.
Il-kunsill preżenti ġie elett fl-2013, fl-istess jum tal-elezzjoni ġenerali li rebaħ b’distakk kbir il-Partit Laburista. Għalkemm huwa ċar li aktar Rabtin ħarġu jivvutaw tant li ż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, id-distakk baqa’ kważi kważi l-istess, biex il-Partit Laburista żamm il-Kunsill f’idejh wara li ġab 988 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista.
B’kollox, f’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista kiseb 4,761 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 3,773 vot.