Imsida | Il-PL iżomm il-maġġoranza fl-unika lokalità li l-PN kien viċin li jirbaħ

L-aħħar elezzjoni lokali f'din il-lokalità kienet intrebħet mill-PL b'27 vot u din is-sena rnexxielu jerġa' jżomm dan il-kunsill

L-uniku lokalità li l-Partit Nazzjonalista kellu ċans li jaqleb fiha l-maġġoranza, baqgħet f'idejn il-Partit Laburista, anke jekk bi ftit voti.

Fil-fatt, l-aħħar elezzjoni lokali li saret fl-Imsida kienet intrebħet mill-Partit Laburista b'27 vot, wara li l-Partit Nazzjonalista kien deher inaqqas id-distakk.

Din is-sena, il-Partit Nazzjonalista kien qed jittama li jieħu f'idejh din il-lokalità, anke wara r-riżenja tal-eks kunsillier Laburista Carmelo Bartolo.

B'kollox il-Partit Laburista kiseb 2,020 vot (51%), Partit Nazzjonalista 1,722 vot (45%) u l-kandidat indipendenti Lino Bartolo kiseb 171 vot (4%).

Madanakollu, f'din l-elezzjoni, il-Partit Laburista reġa' żamm din il-lokalità bi ftit voti. B'kollox il-PL tella' ħames siġġijiet u l-Partit Nazzjonalista tella' erbgħa.

X'ġara fl-aħħar snin fl-Imsida?

L-Imsida hija lokalità li fiha seħħ il-kuntrarju ta’ dak li ġara f’lokalitajiet oħra. Filwaqt li ż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, il-Partit Nazzjonalista kien qed iżied b’ritmu aktar mgħaġġel mill-Partit Laburista biex fl-aħħar elezzjoni lokali, id-distakk kien dak ta’ 27 vot biss.

Fl-elezzjoni lokali tal-2006, il-kandidati Laburisti għall-kunsill lokali ta’ din il-lokalità, kisbu bejniethom 1,802 voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 1,579 vot, biex id-distakk bejn il-partiti kien dak ta’ 223 vot.

L-elezzjoni lokali ta’ wara saret ma’ dik tal-Parlament Ewropew fl-2009. Iż-żewġ partiti reġgħu żiedu l-voti tagħhom. Il-Partit Laburista kiseb 2,244 vot (442 vot aktar mill-2006) filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 2,140 vot (561 vot aktar mill-2006). Dan wassal biex id-distakk jinżel għal 104 voti.

L-aħħar elezzjoni lokali fl-Imsida saret mal-elezzjoni ġenerali tal-2013 u għalhekk aktar nies ħarġu jivvutaw li fisser aktar voti għaż-żewġ partiti. F’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista żamm il-kunsill f’idejh b’27 vot biss. Fil-fatt, il-kandidati Laburisti kisbu 2,604 voti (50.25%) filwaqt li dawk Nazzjonalisti kisbu 2,577 vot (49.74%).
 

More in Politika