‘Rikonċiljazzjoni’ – L-unika duwa għall-PN
Il-PN tilef bil-kbir, imma issa ilu ma jkollu maġġoranza komda kważi 16-il sena u ilu ma jkollu maġġoranza 10 snin. Imma x’inhu jiġri? Għalfejn? X’jeħtieġ isir? L-ILLUM bir-raġunijiet għat-telf tal-PN u s-soluzzjonijiet
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Partit Nazzjonalista tilef l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew bil-kbir, fil-fatt it-telfa kienet waħda rekord fl-istorja politika moderna (minn ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1947). Din it-telfa issa qed tpoġġi u mistennija tkompli tpoġġi ħafna aktar pressjoni fuq Adrian Delia u t-tmexxija tiegħu mill-votant Nazzjonalist imma speċjalment mill-Grupp Parlamentari u dik is-sezzjoni ta’ votanti Nazzjonalisti li nhar is-Sibt baqgħet id-dar.
L-ILLUM ħasbet illi, qabel ma jagħmlu l-Partit Nazzjonalista, tkun hi li tippubblika l-verżjoni qasira tar-rapport tat-telfa u r-raġunijiet esterni li qed iwasslu lill-PN għal telfiet massiċċi li kull darba qed iċekknu dejjem iktar lil dan il-partit li għal ħafna snin ħafna kienu jaħsbu li xejn mhu se jneħħih mill-Gvern
Il-PN ilu ma jkollu maġġoranza 11-il sena u maġġoranza komda 16-il sena
Imma ejja nibdew bil-kuntest tat-telfa. It-telfa ta’ nhar il-Ħadd li għadda hija parti minn kullana u żgur mhix l-ewwel waħda. Din il-kullana tirrakkonta storja ta’ poplu li ilu mxebba’ mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, poplu li wara illi mexa u ġġieled mal-PN biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, abbandunah mill-mument li fil-fatt dħalna fl-istess Unjoni Ewropea.
Wara li l-PN rebaħ l-elezzjoni tal-2003 b’maġġoranza ta’ 12,000 vot fl-2003, kienet it-triq tan-niżla biss għal dan il-partit. Sena biss wara li l-PN rebaħ elezzjoni bbażata fuq sħubija mal-UE, il-Malta Labour Party rebaħ l-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dakinhar kien kiseb kważi 119,000 vot u qabeż lill-PN b’21,295 vot.
Bejn l-2004 u l-2007 saru tliet elezzjonijiet lokali li l-Partit Laburista rebaħ kollha: fl-2005 rebaħ b’53% b’distakk ta’ 4,600, fl-2006 rebaħ dak il-grupp ta’ lokalitajiet b’54% u allura distakk ta’ 8,700 u fl-2007 rebaħ b’maġġoranza ta’ 53% jew distakk ta’ 6,200.
Fl-2008, kontra kull mistenni l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni ġenerali, anke jekk b’waħda mill-iżgħar maġġoranzi (1,580 iktar mill-Partit Laburista). Minn hemmhekk it-triq għan-niżla kienet iktar wieqfa għall-PN b’telfiet ħafna ikbar: fl-2009 għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-Partit Laburista issa mmexxi minn Joseph Muscat, kiseb rebħa kbira b’distakk ta’ 35,500 vot fuq il-PN.
Fl-2013 il-PN reġa’ tilef bil-kbir u l-PL spiċċa fil-Gvern ara snin twal fl-oppożizzjoni. Dakinhar il-PN tilef b’35,100 vot u mar fl-oppożizzjoni filwaqt li l-eks PM Lawrence Gonzi rriżenja.
Sena wara, fit-tielet elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-Partit Nazzjonalista reġa’ sofra minn telfa kbira ta’ 33,700 vot. Fl-2017 il-PN reġa’ ħa telfa kbira fl-elezzjoni ġenerali li tilef b’35,280 vot.
Wara din il-kullana ta’ telfiet, jew aħjar tkaxkiriet kbar, waslet l-ikbar u l-agħar telfa elettorali, mhux biss f’termini ta’ distakk iżda wkoll f’termini ta’ rappreżentanza. Il-PN tilef b’distakk ta’ ftit inqas minn 43,000 vot u tilef siġġu fil-Parlament Ewropew.
Imma għalfejn dan it-telf kollu? Għaliex il-PN qed jibqa’ jitlef u jitlef. X’ġara? L-ILLUM tanalizza dan kollu f’dak li qed insejħulu r-rapport tat-telfa tal-PN li qed tfassal din il-gazzetta.
Raġuni 1: il-PN m’għadux jirrappreżenta l-aspirazzjoni ta’ ħafna votanti
Ġeneralment faxex differenti tas-soċjetà għandhom aspirazzjonijiet differenti. Il-klassi medja trid li tkompli tkabbar l-orizzonti tagħha u takkumula l-ġid bl-inqas indħil jew bsaten mill-Gvern. In-negozji jixtiequ illi l-profitti jikbru filwaqt li l-Gvern, filwaqt li jibqa’ jippromovi s-suq ħieles u liberu jagħmel il-ħajja aktar faċli għalihom biex joperaw, biex jakkwistaw permessi jew inkella biex jgħaddu n-negozju tagħhom lil uliedhom u wlied uliedhom.
Din l-aspirazzjoni, sa ċerta punt, qed jilħaqha l-Gvern Laburista permezz tal-fatt illi kuntrarjament għall-Gvernijiet ta’ Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici u kontra l-aspettativa ta’ bosta, iħaddan politka li hija kompletament kuntrarja għall-intervent tal-Gvern u li tħalli ħafna mill-istess ekonomija f’idejn il-privat. Dan il-Gvern ressaq liġijiet għal tranżizzjoni aktar lixxa ta’ negozju lill-ulied u naqqas l-ispiża tad-dawl u l-ilma u żamm il-prezz tal-gass stabbli. Flimkien mal-fatt illi hawn klima pożittiva ekonomika li qed tħeġġeġ aktar nies jixtru u allura r-rota qed iddur, dan kollu jagħmel lil-Labour Gvern ‘sigur’. M’hawnx biża’ li Muscat, jew kwalunkwe persuna li tiġi warajh, se tqum filgħodu u twettaq xi miżura erratika jew jivvinta xi policy li se tweġġa’. Hemm sens ta’ kontinwità li qed tibgħat il-messaġġ illi għal li ġej il-klassi medja se tibqa’ fejn hi jew titjieb. Dan huwa eżatt dak li kien jagħmel Gvern Nazzjonalista u li llum kompla jagħmel dan il-Gvern.
L-istess dawk li jinsabu fil-faxex aktar baxxi tas-soċjetà u li kuntrarjament għal dawk tal-klassi tan-nofs jeħtieġu l-intervent tal-Gvern. Anke jekk ħafna għadhom jitħabtu biex ilaħħqu xorta jibqa’ fatt illi dan il-Gvern żied il-pensjonijiet wara snin twal, beda u żied l-in work benefit u allura flus li nies f’impjieg qed jaqilgħu, wettaq miżura illi permezz tagħha persuna li ssib impjieg wara xi żmien tirreġistra tibqa’ tieħu l-benefiċċji għall-ewwel tliet snin.
Għall-klassi tal-kuntratturi u l-intraprendituri l-kbar l-aspirazzjoni hija li jkomplu jkabbru l-profitti, li l-proċess tal-permessi jkun inqas burokratiku u li jmisshom biċċa mill-bonanza ta’ tenders tal-Gvern. U hawn ukoll il-Gvern qed jieħu ħsieb illi l-proċess tal-permessi jkun aktar spedit u biċċa xogħol ta’ bini ta’ triq, biex nagħtu eżempju, tinqasam bejn tlieta jew erba’ kuntratturi. B’hekk Muscat iżomm kemm jista’ jkun kuntratturi u intraprendituri kuntenti filwaqt li l-bonanza tat-tenders tinqasam ma’ kemm jista’ jkun kumpaniji.
Dan kollu ma jfissirx li kulħadd kuntent u ‘sinjur żgħir’ u li m’hawnx problemi, imma jfisser li m’hemmx dik l-urġenza għall-bidla għax klassijiet sħaħ ta’ nies qed jaraw il-Gvern ta’ Muscat bħala wieħed ta’ kontinwità pożittiva u wieħed li qed joħloq il-ġid li qed igawdu minnu (kuntratturi, ċerti setturi ta’ ħaddiema tal-Gvern, dawk li għandhom proprjetà għall-kiri, dawk kollha li joffru servizzi anċillari fit-turiżmu...) jew li se jibdew igawdu minnu (dilettanti tal-motorsport, min qed jikri – minħabba l-White Paper...).
Din hija fil-fatt l-akbar problema tal-PN: qisu l-poplu huwa l-klijent, dak il-klijent f’ristorant A huwa moqdi minn kulma jrid u xħin jibda jgerger jerġa’ jibda jiġi moqdi. Dan mhux se jmur f’ristorant B fejn ma jafx eżatt x’qed ikun offrut.
L-aspirazzjonijiet ta’ klassijiet differenti qed jaqdihom Partit Laburista fil-Gvern u allura l-bżonn li jinbidel dak il-Gvern jonqos.
Raġuni 2 – nuqqas ta’ politika ċara li tiddistakka lill-PN minn mal-Labour
It-tieni kaġun tat-telfa hija nuqqas ġenerali ta’ politika ċara li tiddistakka lill-PN minn mal-politika tal-Gvern u se nġibu tliet eżempji: il-barranin, l-iżvilupp fil-kostruzzjoni u l-kaċċa.
Fuq il-barranin Adrian Delia tkellem ħafna u mess ma’ ħafna punti li weġġgħu u dejqu lin-nies, primarjament in-nuqqas ta’ ppjanar u l-iffullar. Dan kollu huwa tajjeb iżda mbagħad meta kien ippubblikat il-programm elettorali ħareġ bi ftit proposti ħafna minnhom vagi u li ilhom isiru (burden sharing, aktar flus mill-UE, taħriġ fil-lingwa...). Jiġifieri meta ġejna għall-azzjoni wara diskorsi twal u b’saħħithom dwar il-barranin, twieled ġurdien. Delia messu kien aktar kuraġġuż u ħareġ bi proposti aktar b’saħħithom u aktar kontroversjali. Matteo Salvini rebaħ għax wiegħed li jagħlaq il-fruntieri u hekk għamel għall-kritika (ħafna minnha ġusta) ta’ bosta. Delia uża l-lingwaġġ ta’ Salvini, imma mbagħad beża’ jipproponi għax beża’ li jitlef l-voti.
Mela l-proposta ta’ Muscat tal-integrazzjoni sabet il-baħħ fil-PN u aktar kienet qed tħabbatha mal-ideat razzisti ta’ Lowell.
Imbagħad hemm kwistjoni oħra li dwarha qed iqumu diversi ilmenti mill-pubbliku; l-iżvilupp tal-kostruzzjoni madwar il-pajjiż, flimkien mal-inkonvenjent li dan qed joħloq u l-bini bla rażan.
Filwaqt li Delia għamel diversi referenzi għal din il-problema huwa ċar illi, għal darb’oħra, naqas milli jipproponi. kif se jibni relazzjoni differenti mal-kuntratturi? Kif se jaċċerta li din ir-relazzjoni ma ssirx wisq qrib? X’jaħseb dwar bini f’ODZ? Kieku jsir Prim Ministru għada xi jbiddel mill-politika dwar il-pompi tal-petrol? Jista’ jassigura lill-poplu illi l-partit mhux qed ikun iffinanzjat minn kuntratturi? Kif ibiddel il-ħinijiet illi fihom jista’ jsir xogħol ta’ kostruzzjoni? Jaħseb li moratorju huwa idea tajba, anke jekk għal ftit snin?
Dawn il-mistoqsijiet ma kinux imwieġba u allura l-idea hija li bħal Muscat, Delia jkun fil-but tal-kuntratturi u l-miljunarji jekk isir PM. U allura jekk it-tnejn l-istess fuq din il-kwistjoni, m’hemmx raġuni biżżejjed biex wieħed jivvota lill-PN. Delia ma ġġilidx din il-perċezzjoni biżżejjed u għalkemm mess ma’ din il-ferita ma indirizzahiex.
U finalment, il-kaċċa. Mijiet jekk mhux eluf ta’ kaċċaturi jinsabu rrabjati għaliex l-istaġun tal-gammiem twaqqaf mill-Unjoni Ewropea minħabba raġunijiet ta’ sostenibbilità filwaqt li pajjiżi oħrajn għadhom għaddejjin b’din it-tip ta’ kaċċa. Peter Agius, eks Kandidat tal-PN għall-elezzjoni li għaddiet, għamel tiegħu proposta tal-FKNK dwar trobbija tal-gammiema u kaċċa tagħha fl-istess numru li tkun rilaxxata. Jiġifieri jekk ikunu rilaxxati 100 u stidji juru li dawn jistgħu għixu kollha, ikunu jistgħu jkunu kkaċċjati 100. Għalfejn m’għamilx din il-proposta tiegħu Delia? Għalfejn ma ħadimx biżżejjed biex jidher illi qed ikun kreattiv bi proposti li kapaċi jduru mal-liġijiet tal-UE?
Din kienet opportunità mitlufa oħra u allura dawn il-votanti li jlaħħqu l-eluf, baqgħu b’għażla waħda, jiġifieri dik tal-Gvern.
Din il-problema ta’ nuqqas ta’ proposti jew pożizzjonijiet identiċi tinfirex f’diversi oqsma fosthom il-pagi diċenti, trejdjunoniżmu, il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, l-ekonomija, l-edukazzjoni, kwistjonijiet LGBTIQ, il-finanzi tal-pajjiż, ix-xandir nazzjonali, ir-relazzjoni bejn Malta u l-UE, il-politika barranija, il-prezzijiet u oħrajn. Il-pożizzjoni fuq dawn il-kwistjonijiet u fejn irridu mmorru fil-futur, mhix wisq differenti bejn dik tal-Gvern u tal-oppożizzjoni. Dan ifisser illi ħafna minn dawk li jdejjaqhom l-approċċ tal-Gvern għal waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet issa sfaw orfni politiċi.
Raġuni 3: nies differenti, f’dgħajjes differenti, jaqdfu f’direzzjonijiet differenti
Problema kbira oħra tal-Partit Nazzjonalista hija li, kuntrarjament għall-PL mhux kulħadd qed jaqdef fl-istess direzzjoni. Il-gazzetta ILLUM ippubblikat diversi artikli dwar din il-qasma fil-partit u llum dak li kien ikkunsidrat ‘spekulazzjoni’ sar verità li diversi Nazzjonalisti stess qed jirrikonoxxu u jirreaġixxu għaliha fil-pubbliku.
Meta għandek numru ta’ Deputati Nazzjonalisti li huma stess qed iħeġġu lin-nies ma jivvutawx jew inkella saħnsitra jgħidu lin-Nazzjonalisti biex jivvutaw biss lil żewġ kandidati tkun qed tistieden l-inkwiet.
Il-fatt illi l-PN issa ilu sena u nofs maqbud f’battalji interni bejn żewġ fazzjonijiet dejjaq u naffar ħafna Nazzjonalisti ta’ rieda tajba, kabbar u saħħaħ l-idea illi l-PN mifni bl-inkwiet u t-taħwid u allura saħħaħ il-perċezzjoni li l-istess partit mhuwiex elettibbli.
Il-ġlied intern, irrappurtat ukoll bi prominenza fosthom fuq din il-gazzetta, għamel ħsara lill-immaġini tal-partit u qed ikompli jagħmel ħafna iktar ħsara hekk kif qed jinxtered fuq Facebook.
Partit mifni bl-inwkiet u d-daqqiet ta’ stalletti ma jista’ qatt ikun fdat.
Il-PN jeħtieġ jaħdem biex kemm jista’ jkun ibiddel din il-perċezzjoni li issa qabdet art. Delia, jekk verament irid jibqa’, se jkollu jibda laqgħat urġenti ma’ kull Kunsillier, uffiċjal, Deputat u MEP li ma tantx jara għajn m’għajn miegħu u juri lill-pajjiż kollu li qed jagħmel dan. Se jkollu jibda programm sħiħ ta’ rikonċiljazzjoni strutturata li tibda fid-Dar Ċentrali u tibqa’ sejra f’kull dar ta’ familji u individwi li ma vvutawx jew li llum saru jappartjenu lill-Partit Laburista. Jista’ jkun li f’dan il-proċess Delia jkollu jneħħi mill-mazzriet li qed iwaqqfu l-progress. Wieħed irid jistaqsi persuni bħal Pierre Portelli, Jean Pierre Debono u Clyde Puli x’sehem taw, x’sehem iktar misshom taw u fejn fallew. Jista’ jkun li dan il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni jkun ifisser ukoll il-bżonn li jittieħdu pożizzjonijiet li se jnaffru lil uħud u se jbiddlu l-istatus.
U finalment ir-rikonċiljazzjoni tista’ tfisser ukoll li l-aqwa mħuħ tal-partit li m’għadhom jidhru mkien jew tnaffru jinġiebu lura: l-eks Segreatarju Ġenerali Joe Saliba, l-eks Ministru Joe Borg, l-eks Ministru Tonio Fenech, l-eks Ministru Louis Galea, ix-xandar David Thake u diversi Kunsilliera li f’din l-elezzjoni baqgħu d-dar.
Rikonċiljazzjoni se tfisser illi jerġgħu jinbnew pontijiet ma’ dawk li ffurmaw il-koalizzjoni Nazzjonalista li daħħlet lil pajjiżna fl-UE; il-Korpi Kostitwiti kollha, l-impjegaturi u b’mod speċjali l-midja bl-Ingliż (partikolarment The Times) illi dejjem kienu ta’ spalla għall-PN u l-politika tiegħu.
Jekk il-PN mhux se jirnexxilu jġib lil Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Kristy Debono, David Casa u Frank Psaila, biex insemmu ftit, taħt umbrella waħda, il-PN se jibqa’ jitlef elezzjoni, wara oħra wara oħra.
Raġuni 4: kampanja fqira ċċentrata mal-abort
Naturalment kull kampanja elettorali għandha effett fuq ir-riżultat anke jekk f’dan il-każ id-distakk tant kien tant kbir li probabilment anke kieku l-Partit Nazzjonalista kellu l-aqwa kampanja possibbli xorta kien jitlef din l-elezzjoni.
Wieħed mill-iżbalji strateġiċi tal-kampanja kienet li l-Partit Nazzjonalista ffoka ħafna fuq l-abort, tant li Delia semmieh għal ftit jew ħafna ħin fl-aħħar ġimagħtejn u nofs tal-kampanja elettorali. Infakkru illi pereżempju fid-diskors li kien għamel Adrian Delia l-Ħadd filgħodu fil-Mellieħa kien kollu diskors riservat għas-suġġett tal-abort.
Dan l-enfasi fuq l-abort għandu żewġ problemi: l-ewwel nett il-Gvern mhux qed iwiegħed li se jdaħħal l-abort anzi diversi esponenti tiegħu għal diversi drabi ċaħdu dan. Allura meta Delia għamel din l-elezzjoni, fi kliemu referendum dwar l-abort kien qed jidher illi qed jiġġieled kwistjoni li għadha mhix qiegħda fuq l-aġenda tal-poplu, tant hu hekk illi b’telfa ta’ 43,000 vot qajla wieħed jista’ jgħid li dan kien xi referendum fuq l-abort. Il-probabbilità hija li kieku verament isir referendum dwar l-abort id-distakk ikun bil-wisq inqas, jekk mhux ma jgħaddix ukoll. Dan ifisser illi l-maġġoranza tal-poplu ma tantx tat kredibbilità lill-idea ta’ Delia dwar l-abort. Aktar minn hekk, il-Life Network Foundation li espressament taħdem kontra l-abort ukoll ħarġet tikkritika lil Delia u l-istqarrija tiegħu dwar referendum. Dan ifisser li dan ir-riskju assolutament ma ħadimx.
It-tieni nett, meta l-PN iffoka tant fuq l-abort meta kellu quddiemu kwistjonijiet tant iktar importanti bħall-kirjiet, il-pagi, it-trasport pubbliku, il-faqar u l-governanza, fost oħrajn ta l-impressjoni li verament jinsab f’paniku. Huwa vera li s-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) qed iwiegħdu d-drittijiet riproduttivi u l-abort però huwa vera wkoll li l-PL qatt ma ħa pożizzjoni favur l-abort u huwa vera wkoll li din tibqa’ materja strettament nazzjonali.
Fil-fatt, mhux talli l-abort mhux kwistjoni ta’ responsabbilità Ewropea talli biex isir hekk trid tgħaddi mill-Kunsill, jiġifieri mill-Prim Ministri kollha tal-istati membri kollha, b’unanimità.
L-abort qatt ma kien fil-lista ta’ kwistjonijiet li l-poplu qed jinkwieta dwarhom. Fil-fatt fl-aħħar sondaġġ tal-Mediatoday f’dan ir-rigward l-iktar kwistjonijiet importanti kienu MEPs li lesti jiddefendu isem Malta (26.1% tal-parteċipanti), l-ebda kwistjoni (21%), MEPs kapaċi (9.6%), l-ambjent (6.9%) u l-immigerazzjoni illegali (6.4%). L-inqas kwistjonijiet importanti kienu l-pagi baxxi (2.3% tal-parteċipanti), messaġġ lill-Oppożizzjoni (2.1%), kontinwità (1.4%), kirjiet (0.2%) u traffiku u toroq (0.2%).
Jiġifieri minn lista ta’ 16-il kwistjoni li l-parteċipanti qatt ma semmew l-abort, turija illi din il-kwistjoni m’għamlet ebda effett fuq ir-riżultat aħħari.
Raġuni 5: nuqqas ta’ ħeġġa fost l-għeruq tal-partit
Il-ħames raġuni għat-telfa tal-PN hija n-nuqqas kroniku ta’ ħeġġa fost l-għeruq tal-Partit Nazzjonalista. Dan in-nuqqas ta’ ħeġġa deher primarjament fl-attendenzi mill-ifqar illi kellu l-PN għall-attivitajiet tiegħu ‘Taħt it-tinda’. Dan ovvjament kompla jsaħħaħ l-idea u l-perċezzjoni illi l-partit huwa nieqes min-nies u li n-nies mhumiex kuntenti bid-direzzjoni tal-PN. Bir-riżultat issa, dik il-perċezzjoni hija msaħħa.
Jidher illi l-PN kellu diffikultà jsib ukoll biżżejjed nies biex jaħdmu fil-proċessi elettorali.
Din in-nuqqas ta’ ħeġġa kienet ikkonfermata fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju li fiha eluf kbar ta’ Nazzjonalisti jew ma ġabrux il-vot jew ma marrux jivvutaw speċjalment f’Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi, ilkoll fortizzi Nazzjonalisti.
Raġuni 6: Joseph Muscat
Is-sitt u l-aħħar raġuni hija lil hinn mill-kontroll tal-Partit Nazzjonalista, sa ċerta punt. Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista huwa avversarju formidabbli u kważi impossibbli li jingħeleb. Filwaqt li l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista kienet qed tiffoka fuq l-abort kważi b’repetizzjoni monotona, kellek lil Muscat li fl-aħħar ġimagħtejn ta ż-żejt lill-magna u ta spinta lill-qawwa tad-diskorsi tiegħu. L-aħħar ġimagħtejn tal-kampanja Muscat kellu diskorsi mirqumin tajjeb li wassal b’ħila impekkabbli.
Dan kollu m’għen xejn lill-PN li kien qed jiġġieled il-kampanja fuq kwistjoni, li kif rajna ma kienet kważi fuq moħħ ħadd.
Muscat kellu warajh magna qawwija u effiċjenti ta’ propoganda tal-Gvern u tal-partit, li infiltrat f’kull settur ta’ votanti inkluż u speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Jidher ċar illi Muscat rebaħ kif rebaħ, minkejja li sezzjoni ta’ Laburisti ma vvotawx, għax baqa’ jirnexxilu jattira voti ġodda lejn il-Partit Laburista.
Kuntrarjament għal dan il-PN ilu jsofri minn emorraġija elezzjoni wara oħra li ma kinitx mibdula b’demm ġdid.
Konklużjoni: Lil hinn mill-attitudni rresponsabbli tal-‘business as usual’ ta’ ċerti uffiċjali tal-partit il-konklużjoni ta’ dan ir-rapport qasir hija din: Delia jeħtieġ itajjar lil min tah l-idea li l-abort għandha tieħu post ċentrali fil-kampanja elettorali. Ċarament dan kien riskju li ma tax frott.
Adrian Delia jeħtieġ jirrealizza li hu ma jistax joffri r-rikonċiljazzjoni li l-PN tant għandu bżonn u allura jekk ma jiddeċidix hu li jitlaq ikollu jsib lil xi ħadd biex imexxi r-rikonċiljazzjoni. Dan jeħtieġ ikun persuna ta’ stoffa, kredibbli, ta’ esperjenza, li qatt ma pparteċipa f’xi ħaġa marbuta ma’ fazzjoni jew oħra tal-PN u xi ħadd li għandu esperjenza fil-medjazzjoni politika.
U finalment dwar Muscat huwa importanti li l-PN ma jagħmilx l-iżball li jaħseb illi dan id-distakk se jisparixxi awtomatikament sempliċiment għax Joseph Muscat ma jibqax Prim Ministru u Mexxej Laburista. Il-Partit Laburista issa kiber biżżejjed u qed jiġbed lejh l-interessi wiesgħa u dojoq ta’ tant nies li xorta se tkun diffiċli li jkisser l-eġemonija Laburista.