'L-isticker hija parti minn inizjattiva iktar wiesgħa' - Helena Dalli

Il-Ministru Dalli twieġeb għal kritika li saret dwar kampanja ta' inklużjoni, fosthom bl-użu ta' stickers li juru illi stabbilimet jilqa' lil persuni omosesswali...

L-istickers li jindikaw illi stabbilimenti jilqgħu persuni omosesswali, liema inizjattiva intlaqgħet minn baraxx kritika fuq il-midja soċjali, hija biss parti żgħira minn inizjattiva sħiħa. Dan qalitu l-Ministru għall-Ugwaljanza u Affarijiet Ewropej Helena Dalli f'kummenti lis-sit maltatoday.com.mt dalgħodu. 

Diversi persuni, inkluż persuni LGBTIQ, urew diżapprovazzjoni għal din l-inizjattiva b'uħud jgħidu li din hija umiljanti. 

"Wara l-istickers, se jsiru l-policies, bħall-introduzzjoni ta' għarfien u taħriġ speċjalment għal dawk li jaħdmu fl-industrija tas-servizzi ... għax dawn jistgħu ma jkollhomx l-għarfien ta' kemm Malta hija inklussiva u diversa."

Dalli fakkret illi din il-kampanja ssegwi kampanji simili li saru fir-Renju Unit, Franza, l-Ġermanja u l-Awstralja. Hi insistiet li l-attitudni lejn l-komunità LGBTIQ hemm bżonn li tinbidel. "Il-liġi influwenzat lis-soċjetà, imma dan mhux biżzejjed," sostniet Dalli. 

"Din mhux gimmick imma li nagħmlu lil Malta aktar inklussiva," temmet tgħid il-Ministru Helena Dalli. 

 

More in Politika