F'deċiżjoni bla preċedent l-MFA tissospendi l-Assoċjazzjoni tar-Referis
L-MFA tissospendi l-għaqda tar-referis wara l-elezzjoni tat-Tnejn illi għadda
More in Politika
L-MFA tissospendi l-għaqda tar-referis wara l-elezzjoni tat-Tnejn illi għadda
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) għada kemm issospendiet lill-Malta Football Referees Association (MFRA) minn membru tal-istess MFA. F'kommunikativa mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali tal-MFRA, l-MFA qalet li, "b'effett immedjat is-sħubija tal-MFRA bħala membru tal-MFA qiegħda tiġi sospiża. Dan skont l-istatut tal-MFA u bil-poteri mogħtija lilha mill-President."
Din id-deċiżjoni kienet mqanqla mill-avvenimenti ta' aktar kmieni din il-ġimgħa meta, l-MFA appellat lill-MFRA sabiex ma tagħmilx il-laqgħa ġenerali annwali tagħha li fiha jintgħażlu l-karigi tal-istess Assoċċjazzjoni. Dan minħabba li xi referis li rridu jikkontestaw għall-karigi fl-Assoċjazzjoni ġew infurmati li ma setgħux jitfgħu l-kandidatura tagħhom. Dan minħabba li skont l-istatut tal-MFRA huma ma kienux eliġibbli.
L-istatut tal-MFRA jispeċifika li biex uffiċjal ikollu dritt għall-vot u jikkontesta għall-kumitat irid ikun attenda mill-inqas 25% tal-laqgħat li tagħmel l-MFRA matul is-sena. Jidher li dawn l-uffiċjali, mit-tliet laqgħat li saru din is-sena ma attendewx waħda.
B'risposta t'hekk, xi referis iffirmaw petizzjoni kontra d-deċiżjoni tal-MFRA u talbu għall-intervent tal-MFA fl-elezzjoni tal-MFRA li hija l-unjin tal-istess referis. Dan kollu wassal sabiex issir laqgħa bejn iż-żewġ Assoċċjazzjonijiet.
Waqt din il-laqgħa, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo saħaq u rikonixxa li l-MFRA kellha dritt legali fid-deċiżjonijiet tagħha dwar minn jista' jikkontesta u minn ma jistax. Minkejja dan, l-MFA xorta waħda talbet li l-laqgħa ġenerali annwali tiġi posposta.
Filgħaxija, l-MFRA iddeċidiet li xorta tibqa’ għaddejja bil-laqgħa ġenerali kif skedata u ddiskutiet it-talba tal-MFA biex tiġi posposta l-laqgħa. Il-laqgħa ġenerali tal-MFRA b’mod unanimu ma aċċettatx it-talba tal-MFA u baqgħet għaddejja fil-laqgħa ġenerali tagħha. Il-Laqgħa Ġenerali Annwali, li għaliha kienu preżenti madwar 20 membru finalment ivvutaw sabiex jiġi elett eżekuttiv ġdid li se jkun jinkludi lil dawn il-persuni, Emanuel Zammit; Viċi President, Glenn Tonna; Segretarju Ġenerali, Christopher Lawrence Francalanza, Teżorier; Alexei Tabone, Membri Ordinarji; Jurgen Spiteri, Mark O’Neill, CJ Saliba u Shaun Calleja.