Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan l-Awtorità Transport Malta tgħat ċertifikat ta’ Cabin Crew Training Organisation (CCTO) lill-kumpanija Corporate Flight Training (CFT) biex tkun tista’ tibda topera minn Malta. CFT rebħet l-unur tal-aqwa Safety Training Provider Ingliż fl-Air Transport Awards tas-sena 2019.
Il-kumpanija Corporate Flight Training tipprovdi korsijiet ta’ sigurtà lill-ekwipaġġ tal-ajru miċ-ċentru tat-taħriġ fl-ajruport ta’ Luton. Dan issa se tkun qed tagħmlu wkoll minn pajjiżna. CFT tispeċjalizza f’ taħrig għal operaturi tal-avjazzjoni kummerċjali, toħroġ attestazzjonijiet għall-ekwipaġġ tal-ajru taħriġ lill-linji tal-ajru Ewropej permezz tal-akkademja tagħhom, CCA EU Academy.
Apparti li l-kumpanija hija isem importanti ferm f’din l-industrija u li taħdem ma’ bosta operatturi, CAT kien strumentali biex jiżdiedu l-istandards ta’ sigurtà fl-industrija tal-avjazzjoni. Min naħa tagħha, Yasmin Milner, il-Kap tat-taħriġ ta’ CFT qalet li kien pass naturali li l-kumpanija timxi lejn Malta minħabba l-fatt li f’Malta l-industrija tal-avjazzjoni kull ma jmur qed tkompli tikber, b’bosta operaturi qed jirrilokaw f’Malta. Dan huwa sinjal għalina li Malta qed twassal servizz ta’ kwalità.
Dan it-taħriġ se jkun qed jingħata darbtejn fix-xahar f’Malta u Luton, l-Ingilterra.
Id-Direttur tad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, l-Kaptan Charles Pace, qal li CFT hija ħolqa oħra minn kullana ta’ kumpaniji li qed jaraw opportunitajiet tajba f’pajjiżna u b’hekk qed jinvestu fl-industrija tal-avjazzjoni Maltija għaliex jemmnu li l-ġurisdizzjoni tagħna hija waħda kompettivita ferm madwar id-dinja.