Tiġi ċċertifikata uffiċjalment il-Malta Air ... kumpanija sussidjarja tar-Ryanair

Kemm il-Prim Ministru u anke l-Ministru Mizzi insistew li din il-linja tal-ajru bl-ebda mod mhux se tħalli impatt negattiv fuq l-Air Malta

Illum waqt iffirmar ta’ ftehim f’Kastilja twaqqfet uffiċjalment u ġiet iċċertifikata l-linja tal-ajru sussidjarja tar-Ryanair ‘Malta Air.’

Din il-linja tal-ajru l-ġdida se tkun qed topera sitt ajruplani li kienu tar-Ryanair iżda fi żmien tliet snin se tkun qed iżżidhom għal madwar għaxar ajruplani.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair, Michael O’Leary qal li din il-linja tal-ajru għandha l-mira li fl-ewwel ħames snin tagħha tkun qdiet ħames miljun passiġġier.

Qal ukoll li preżentament qed tfittex destinazzjonijiet ġodda biex iżżidhom mat-62 rotta li Ryanair preżentament topera minn u lejn Malta u li issa se jkunu qed jgħaddu f’idha.

Apparti minn hekk, il-kumpanija Ryanair se tkun qed tirreġistra aktar minn 50 ajruplan tagħha fuq ir-reġistru tal-avjazzjoni ta’ Malta.

Malta Air se tkun qed tiftaħ ukoll hangers f’Malta għall-manutenzjoni tal-ajruplani.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan il-ftehim se jkun ifisser ħolqien ta’ 350 xogħol ġdid filwaqt li jagħti spinta ‘l quddiem lis-settur turistiku f’Malta.

Tkellem ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat li kompla ma’ dak li qal il-Ministru Mizzi meta insista li din il-linja tal-ajru mhux se jkollha impatt fuq il-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta, hekk kif iż-żewġ linji tal-ajru se jkunu qed joffru servizzi differenti iżda fl-istess ħin kumplimentari.

Preżentament, ir-Ryanair għandha żewġ linji tal-ajru oħra sussidjarji li huma Buzz u Lauda.

Il-Kaptan Charles Pace u l-Prim Ministru Joseph Muscat jgħaddu l-Air Operator Certificate lill-Kap Eżekuttiv ta’ Ryan Air Michael O’Leary
Il-Kaptan Charles Pace u l-Prim Ministru Joseph Muscat jgħaddu l-Air Operator Certificate lill-Kap Eżekuttiv ta’ Ryan Air Michael O’Leary

More in Politika