Troffa xagħar isfar tista’ titfa’ aktar dawk fuq il-qtil taż-żagħżugħa Shannon Mak li kienet instabet mejta f’Awwissu tal-2017 wara daqqiet ta’ sikkina f’għonqha.
Żagħżugħ ta’ 23 sena li għamel żmien is-sieħeb ta’ Mak qed ikun akkużat bil-qtil tagħha.
Waqt li kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza, żewġ uffiċjali tal-Pulizija ppreżentaw rapport li ġabru wara li analizzaw kemm ix-xena tad-delitt u anke l-garaxx li fih kien jgħix l-akkużat fi Triq l-Istampaturi f’Santa Venera.
Huma spjegaw kif fil-garaxx sabu ftit xagħar twil isfar kif ukoll traċċi ta’ demm u 17-il sigarett.
Dawn kollha ntbagħtu għal testijiet forensiċi.
Aktar tard waqt l-istess smigħ, erba’ uffiċjali tal-Pulizija li arrestaw lill-eks sieħeb ta’ Mak spjegaw kif meta marru biex jarrestawh sabu liż-żagħżugħ bilqiegħda kalm jara t-televiżjoni.
L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għall-qraba tal-vittma, staqsa jekk l-akkużat staqsiex mistoqsijiet.
“Le. Aġixxa daqslikieku kien qed jistenna li se mmorru,” qal wieħed mill-uffiċjali waqt li spjega kif l-akkużat fl-ebda ħin ma staqsa lill-Pulizija għalfejn qed ikun arrestat.
Il-kumpilazzjoni se tkompli x-xahar id-dieħel.