Raġel ta’ 38 sena mill-Munxar ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi u anke multa ta’ €6,000 wara li ammetta li uża l-vjolenza biex jirreżisti uffiċjali tal-Pulizija.
L-akkużat wieġeb ħati li attakka żewġ uffiċjali tal-Pulizija u li kien vjolenti fil-lockup ta’ Għawdex.
Ammetta wkoll li qatta’ uniformi ta’ wieħed mill-uffiċjali, li qabel l-arrest tiegħu hedded persuna waqt li kien ix-Xlendi, li kien fis-sakra u ma kienx kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu u li kiser il-paċi pubblika.
Il-Qorti meta kkunsidrat il-fatt li l-akkużat ammetta kmieni fil-proċeduri qablet li tagħtih sentenza sospiża filwaqt li ordnatlu jħallas il-multa fi żmien xahar.