‘L-MFA emmnet lil min ibagħbas il-logħob u mhux lili’
Jude Amin Utulu, mill-aqwa referis li reċentement ġie sospiż mill-MFA, jitkellem għall-ewwel darba fil-pubbliku
minn Liam Carter
“L-Assoċjazzjoni tal-Futbol Maltija emmnet il-kelma ta’ bniedem li jbagħbas il-logħob tal-futbol minflok il-kelma tiegħi.” Dan kien kliem Jude Amin Utulu, eks plejer ta’ Sliema Wanderers u Naxxar Lions kif ukoll eks FIFA Elite referì li fix-xhur li għaddew ġie sospiż għal ħajtu mill-MFA minħabba li kien akkużat li qiegħed jagħmilha ta’ aġent tal-plejers.
Din is-sentenza, wara l-appell ġiet imnaqqsa għal tliet snin sospensjoni. Minkejja l-akkużi fil-konfront tiegħu, ir-referì qatt ma ammetta dawn l-akkużi u ma’ din il-gazzetta jgħid li kien trattat b’mod inġust.
Fl-ewwel intervista wara l-każ tiegħu, Utulu jiftaħ qalbu mal-ILLUM fuq x’ġara eżattament fix-xhur li għaddew, kif ġie trattat mill-MFA u kif din il-burraxka heżżitlu l-fundamenti tal-ħajja professjonali u personali tiegħu.
‘Qatt ma ħadt flus tal-ismijiet li rrakkomandajt’
L-eks referì jibda biex jispjega l-għeruq tal-affari,“fl-2001 ġejt Malta biex nilgħab il-futbol, dak iż-żmien ma’ Sliema Wanderers u aktar tard Naxxar Lions. Ovvjament, waqt dan iż-żmien għamilt diversi ħbieb plejers. Fl-2015 inzertajt wieħed minn dawn fit-triq, Adrian Farrugia, li kien kowċ tal-Mosta. Staqsieni jekk nafx xi erba’ plejers min-Niġerja li jixtiequ jiġu jilagħbu hawn Malta. Ovvjament jien għidtlu li naf xi plejers mill-belt tiegħi għaliex tinsiex jiena kont plejer in-Niġerja,” jgħid Utulu.
Huwa jkompli, “sirna ħbieb fuq facebook, u bgħatlu messaġġ għidtlu, ‘Adrian dan huwa l-plejer, għandek il-kuntatt tiegħu’. Il-konverżazzjoni spiċċat hemmhekk. Sentejn wara, reġa’ ġie jkellimni u staqsieni biex ngħidlu b’ħames plejers Niġerjani.”
Hawnhekk Utulu jispjega, li minnufih qallu li ma jistax jagħmel dan iżda informah li se jqabbdu ma’ ħabib tiegħu Niġerjan ibbażat fl-Ingilterra li jaħdem bħala aġent tal-plejers. “Ftaħt grupp fuq messenger, u laqqajthom flimkien, hemmhekk spiċċat l-affari tagħna,” jisħaq Utulu.
Huwa jkompli jgħid kif sena wara kien inkarigat bħala referì mil-logħba tal-Premier bejn Mosta u Balzan li l-Mosta tilfu 3-1. Wara din il-logħba xi ħbieb referis tiegħu staqsewh fuqha għaliex kienu semgħu li xi ħadd mill-Mosta qiegħed jilmenta. “Jien għidtilhom li għamilt l-almu kollu tiegħi u naħseb li kienet logħba tajba.”
Però ftit sigħat wara kellha tibda l-mewġa ta’ problemi għalih
“Irċevejt messaġġ mill-Viċi President tal-MFA biex nattendi laqgħa għaliex kont qed niġi akkużat li għamiltha ta’ aġent tal-plejers tal-futbol. Jiena dħaqt għall-ewwel u dlonk staqsejthom min kien wara dawn l-akkużi u qaluli li ma setgħux jgħiduli, però kont naf min qed jakkużani propju wara l-logħba tal-Mosta.”
“Jiena spjegat li għaddejt xi rakkomandazzjonijiet lil Adrian biex ngħin lil Niġerjani bħali jiġi jilagħbu Malta. Kif wara kollox xi ħadd kien għamel miegħi fl-2001. Però spjegat li qatt ma ħadt xi flus jew tħallast b’mod ieħor,” jisħaq Utulu.
Waqt din il-laqgħa, Utulu jgħid li l-MFA informatu li jinsab f’inkwiet kbir u li se jkun investigat. Ftit żmien wara huwa kien eżaminat minn bord speċifiku tar-referis, hawnhekk jirrakkonta kif ġabu fil-konfront tiegħu wkoll akkużi ġodda.
Tlift dak kollu li ħdimt għalih. Ġejt hawn Malta u ħdimt mingħajr l-ebda ma waqa’ xejn mis-sema, mingħajr l-ebda rakkomandazzjoni u lħaqt FIFA level referì. Kont l-unika Malti li mort għall-World Cup u għamilt unur u trattawni b’dan il-mod
“Qaluli li lgħabt f’turnament fil-grawnds tal-Mosta. Għidtilhom iva mela, kien turnament tax-xogħol tal-mara u kont mistieden. Qaluli li suppost kelli ninforma bil-miktub lid-direttur tar-referis Kevin Azzopardi għaliex hemmhekk stajt niltaqa’ ma’ plejers oħra. Għidilthom anke l-knisja niltaqa’ mal-plejers li jilagħbu, allura ma mmurx nisma’ quddies,” irrimarka Utulu.
Huwa jgħid ukoll li, “tajthom il-mowbajl biex nurihom li kont innoċenti u kif il-konverżazzjonijiet ma’ Farrugia kienu xejn illegali jew illeċitu, tant u hekk li lanqas ħassart il-konverżazzjonijiet.”
‘Tlift dak kollu li ħdimt għalih tul dawn is-snin kollha’
“Xi ftit ġimgħat wara kellna test tal-futsal u neħħew in-nomina tiegħi, f’ġurnata l-investigazzjoni kienet lesta,” jisħaq Utulu.
“Ħarġu stqarrija u qalu li kont sospiż għaliex għamiltha ta’ aġent tal-plejers. Ma semmewx il-klabb involut u l-persuna Adrian Farrugia. Waqt laqgħa oħra tas-sotto-kumitat iddeċidejt li nieħu miegħi lill-avukat Joe Gilgio. Meta semgħu li kont se nieħu lill-avukat ippostponew il-laqgħa. Ħadd ma kien hemm għalija lanqas l-MFRA, kont waħdi, marti biss kienet hemmhekk għall-appoġġ. Bqajt nistaqsi x’għamilt qisni qtilt lil xi ħadd. Ir-referis ħbieb tiegħi ħadd ma kellimni, kulħadd dawwar wiċċu,” jirrakkonta b’qalb maqsuma.
Għaldaqstant, wara din il-laqgħa, Utulu ġie infurmat li kien sospiż għal għomru.
“Jien ma ppruvajtx inħammeġ jew inkisser il-logħba, sempliċiment laqqajt ħabib tiegħi m’ieħor. Jekk referì jitfa’ mħatra fuq logħba li qiegħed jirrefja għandu sospensjoni ta’ tliet snin minimu. Tiegħi kienet aktar serja apparentement.”
Hawnhekk Utulu jistqarr li jinsab imħasseb ferm għalfejn trattawh b’dan il-mod. “Trattawni b’mod inġust, kulħadd jaf x’tip ta’ persuna jiena. Il-problema hi li l-MFA jafdaw aktar lin-nies li jimmanipulaw il-logħba milli xi ħadd bħali. Adrian Farrugia jbagħbas il-logħba u tarah kull darba fil-VIP area, u spiċċajt nbati jiena mhux min ikisser il-logħba tal-futbol.”
Erba’ snin ilu, il-Pulizija Taljana kienet implikat lil Adrian Farrugia f’ċirku kriminali ta’ tixħim u tbagħbis ta’ logħob fl-Italja. Fl-istess operazzjoni, bl-isem ta’ ‘Dirty Soccer’ kien implikat ukoll ħuh Robert kif ukoll Felice Bellini, l-eks direttur ġenerali ta’ Vittoriosa Stars. Il-każ kompla jinstema’ fil-Qorti Taljana f’April li għadda u minkejja dan, l-MFA għadha ma ressqet l-ebda sospensjoni lejn dawk involuti hekk kif iż-żewġ aħwa għadhom involuti fil-futbol lokali.
Dlonk staqsejtu għalfejn qatt ma tkellem fuq din l-informazzjoni li għadu kemm żvela mal-ILLUM. Hu jirrispondi u jgħid, “jiena dejjem emmint li mmur il-grawnd u nagħmel xogħli. Ir-reliġjon tiegħi tgħid li l-ġustizzja tasal għand kulħadd.
Fi tmiem l-intervista staqsejtu biex jgħaddi messaġġ lil dawk kollha li qegħdin jaqraw din l-intervista. “Il-messaġġ tiegħi huwa dan; kull min iltaqa' miegħi kulħadd jaf x’bniedem jiena. Isimgħu din l-istorja minn perspettiva differenti. Tlift dak kollu li ħdimt għalih. Ġejt hawn Malta u ħdimt mingħajr ma waqa’ xejn mis-sema, mingħajr l-ebda rakkomandazzjoni u lħaqt FIFA level referì. Kont l-unika Malti li mort għall-World Cup u għamilt unur u trattawni b’dan il-mod,” itemm jgħid Utulu b’leħen miksur.