Fi stqarrija, Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Rodrick Galdes ħabbar li l-Awtorità tad-Djar għamlet l-arranġamenti kollha meħtieġa biex il-familji milquta mill-bini li sfronda f’Gwardamanġa jkollhom saqaf fuq rashom sakemm ikunu jistgħu jirritornaw f’darhom mingħajr ebda periklu. Huma se jiġu akkomodati f'erba appartamenti li jaqdu l-bżonnijiet tagħhom
"Il-ħidma li bdiet immedjatament wara li seħħ l-inċident, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u f’kuntatt mal-istess familji, waslet biex instabu erba’appartamenti mis-suq privat li minn nhar it-Tnejn se jkunu allokati mill-Awtorità tad-Djar lill-familji affetwati. L-appartamenti huma kollha f’kundizzjoni tajba u jaqdu l-bżonnijiet tal-familji milquta," qalet l-istqarrija.
Qabel dan l-arrangġament il-familji ġew ipprovduti wkoll b’akkomodazzjoni f’lukanda.
Apparti minn dan l-intervent, l-Awtorità tad-Djar ikkomettiet lill-kuntrattur responsabbli li, kif stipulat fil-liġi, jassumi l-ispejjeż kollha tal-akkomodazzjoni provduta lill-vittmi mill-Awtorità tad-Djar sakemm jitneħħa l-periklu fis-sit ta’ Gwardamanġa u l-familji jkunu jistgħu jmorru lura fi djarhom.
Is-Segretarjat Parlamentari qal li se jkompli jsegwi l-iżviluppi tal-każ flimkien mal-awtoritajiet kollha kompetenti.