Imniedi pjan strateġiku għat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika

Il-pjan strateġiku jfassal pjan għal diversi proġetti f’diversi ministeri entitajiet governattivi u bosta setturi oħra

Il-Prim Ministru Joseph Muscat nieda pjan strateġiku għat-tliet snin li ġejjin biex l-amministrazzjoni pubblika tbiddel is-sistemi diġitali li biha hija topera.

Il-pjan strateġiku jfassal pjan għal diversi proġetti f’diversi ministeri entitajiet governattivi u bosta setturi oħra.

“Dan huwa pjan li se jiddefinixxi l-bażi għall-iżvilupp t’għada biex din tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet ġodda u emerġenti f’pajjiżna,” saħaq Muscat waqt din it-tnedija li saret fil-binja tal-Librerija Nazzjonali fil-Belt. “Bil-pubblikazzjoni ta’ din l-istrateġija se tkun qed tiżdied t-trasparenza u l-kontabbiltà tal-gvern stess.”

Muscat qal kif il-gvern kien minn tal-ewwel li ffissa leġiżlazzjoni fuq id-Distributed Ledger Technology biex dawn it-teknoloġiji jagħmlu l-ħajja aktar sempliċi.

Fakkar kif eżempju ċar ta’ dan huwa fir-riforma tal-Liġi tal-Kera, fejn il-kuntratti tal-kirjiet se jkunu fuq tali sistema.

Huwa semma diversi eżempji kif permezz tat-teknoloġija, l-amministrazzjoni wasslet għall-effiċjenza fosthom fil-qrati, proċessi eħfef biex tiftaħ negozju, is-sistema tal-myhealth, ID Malta u anki d-diversi formoli aċċessibbli online.

Dr Joseph Muscat rringrazzja lil kull min kien involut fit-tfassil ta’ din l-istrateġija u għalaq l-intervent tiegħu billi qal kemm huwa kruċjali li dan il-pjan ikun implimentat fil-ħin.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li għalkemm it-teknoloġija hija l-futur tas-Servizz Pubbliku, wiwħed ma jridx jinsab dawk li ma jafux jew ma jridux jużaw kompjuter.

Kien propju fuq dan l-iskop, kompla jispjega, li nfetħu ċ-ċentri ta’ servizz.gov mferxxin mal-komunitajiet f’Malta u Għawdex.

Tul it-tnedija kien spjegat ukoll kif l-once-only principle huwa l-qofol ta’ dan il-pjan fejn il-pubbliku jagħti darba biss l-informazzjoni tiegħu lill-gvern biex b’hekk titnaqqas il-burokrazija u tiżdied l-effiċjenza.

Huwa qal li l-ġbir u l-użu tad-data hija l-qofol tat-tiġdid li se jkun qed isir. Intqal kif l-informazzjoni se tkun miġbura b’mod sigur, l-użu tagħha jkun trasparenti u kontabbli u mħaddma etikament.

Wara dan, ikun imiss li l-amminstrazzjoni pubblika tibda tara kif l-Artificial Intelligence tista’ taqdi s-Servizz Pubbliku.

“Iżda biex nilqgħu għall-AI rridu nibnu l-kapaċitajiet umani kif ukoll strutturi adegwati. Irridu naslu li jkollna Servizz Pubbliku brillanti b’servizz eċċezzjonali,” spjega Cutajar.

More in Politika