106 pazjenti nħarġu minn Monte Carmeli biex jgħixu fil-komunità

Chris Fearne jisħaq li pazjenti li jistgħu jitpoġġew fil-komunità għandhom jinħarġu mill-isptar biex jonqos ir-riskju li jiġu istituzzjonalizzati

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif mill-Isptar Monte Carmeli nħarġu 106 resident li tpoġġew f’akkomodazzjoni fil-komunità.

Apparti minn hekk, bħalissa għaddej il-proċess biex jinħarġu 24 pazjent ieħor.

Fearne qal dan waqt li kien qiegħed jinawgura l-ewwel sala rinovata fl-Isptar Mount Carmel, Sala San Ġorġ Preca, biex minn għada tilqa’ fiha 30 pazjent.

Ir-rinovar ta’ din is-sala huwa l-ewwel pass minn pjan ta’ ħames snin varat f’Ottubru li għadda u li permezz tiegħu se jkunu rinovati s-swali kollha tal-isptar.

Il-pazjenti konċernati huma fil-maġġoranza tagħhom anzjani u għandhom kundizzjoni kemm ta’ saħħa mentali kif ukoll ta’ mard fiżiku, u għalhekk is-sala hija mgħammra b’faċilitajiet li jkopru dawn il-kundizzjonijiet.

Id-Deputat Prim Ministru qal li f’nofs Lulju li ġej jitvara l-pjan ta’ 10 snin tal-istrateġija għas-snin 2020-2030 biex tkun intensifikata l-ħidma għal aktar kura għas-saħħa mentali fil-komunità u biex jinbena l-isptar il-ġdid għall-kura akuta tas-saħħa mentali ħdejn l-Isptar Mater Dei.

Insista li huwa importanti li pazjenti li jistgħu jitpoġġew fil-komunità jinħarġu mill-isptar biex jonqos ir-riskju li jiġu istituzzjonalizzati u hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.

More in Politika