Mara tiċħad li heddet u insulentat uffiċjal tal-Pulizija
Il-mara ġiet arrestata xahar wara li seħħ il-każ
More in Politika
Il-mara ġiet arrestata xahar wara li seħħ il-każ
Mara ta’ 38 sena mix-Xgħajra tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello akkużata li insulentat uffiċjal tal-Pulizija, li rreżistit l-arrest bi vjolenza u li weġġgħet lill-istess uffiċjal.
Hija qed tkun akkużata wkoll li heddet lill-Pulizija, li attakkat lill-Pulizija, li kisret il-paċi pubblika u li kisret l-ordni ta’ probabtion.
Il-każ seħħ fit-23 ta’ Mejju li għadda fil-fergħa tal-BOV f’San Ġwann.
L-Ispettur Joseph Xerri qal kif il-mara ġiet arrestata madwar xahar wara għax ma setgħetx tkun rikonoxxuta mill-filmati tas-CCTV.
Il-mara qed twieġeb mhux ħatja, bl-Avukat jitlob li din tingħata l-ħelsien mill-arrest.
“Dan il-każ seħħ xahar ilu u warajh ma seħħ xejn aktar. Possibbilment kien hemm provokazzjoni,” qal l-Avukat.
Kompla jisħaq li l-mara ftit għandha flus tant li dak li taqla’ tixtrih ikel u għalhekk flus biex tħallas depożitu lill-Qorti ma għandhiex.
Il-Qorti qablet li tagħti l-ħelsien mill-arrest lill-mara fuq garanzija personali ta’ €5,000.
Il-mara ġiet imwissija biex ma tersaqx lejn il-fergħa tal-bank u lejn l-uffiċjal tal-Pulizija.
“Din mhux ċajta. Hemm penali ħorox, minn ħabs u multa bejn €4,000 u €7,000 talli,” wissietha l-Maġistrat.