Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li s-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qiegħed jikkonkludi numru ta’ diskussjonijiet dwar il-karozzini fit-toroq tant li fil-ġranet li ġejjin se jkun qed iħabbar id-dettalji.
Din il-gazzetta bagħtet tistaqsi lis-Segretarjat Parlamentari u anke lid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali dwar miżuri li se jittieħdu biex ikunu evitati inċidenti biż-żwiemel minħabba s-sħana kif kien ġara fit-8 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet, meta żiemel kien waqa’ u miet fil-Furjana.
F’Settembru, l-ILLUM kienet tkellmet ma’ kuċċiera li kienu spjegaw kif waqt laqgħa li kellhom wara dan l-inċident, mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri u d-Direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, Noel Montebello, kienet issemmiet il-proposta li l-karozzini jieqfu jaħdmu bejn nofsinhar u s-sagħtejn, jiġifieri fl-eqqel tas-sħana.
Din il-proposta ma tantx kienet niżlet tajjeb mal-kuċċiera, għax fi kliemhom, dawk huma l-aħjar sigħat għalihom, anke jekk kienu saħqu li lesti jieqfu jaħdmu f’dawk il-ħinijiet jekk it-temperaturi jilħqu temperaturi “eċċessivi.”
Kien intlaħaq ukoll qbil biex tinbidel ir-rotta biex tkun evitata t-telgħa tal-Kurċifiss u anke t-telgħa wieqfa ta’ taħt il-Qanpiena tal-Assedju.
Apparti minn hekk, mal-ILLUM, il-kuċċiera kienu wrew ix-xewqa li jkollhom aktar kumdità, inkluż tined aħjar u aktar aċċess għall-ilma.
Madanakollu, dwar dan il-proposti ma kien reġa’ ssemma xejn. Kien għalhekk li ġaladarba s-sħana kkargat, il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lis-Segretarjat Parlamentari u anke lid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali dwar dawn il-proposti, jiġifieri jekk il-kuċċiera hux se jaħdmu bejn nofsinhar u s-sagħtejn, x’se jsir mir-rotta u x’miżuri se jittieħdu biex ikun assigurat li ż-żwiemel ma jbatux mis-sħana.
Fit-tweġiba tiegħu s-Segretarjat Parlamentari kkonferma li ġew konklużi diskussjonijiet bid-dettalji u l-miżuri se jkunu qed jitħabbru fil-jiem li ġejjin.