Il-Prim Ministru Joseph Muscat attenda għall-Kunsill tal-mexxejja Ewropej li sar bejn il-Ħamis 20 ta’ Ġunju u llum il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju fejn ġie diskuss il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għas-snin 2021-2027, it-tibdil fil-klima, kif ukoll ir-relazzjonijiet barranin. Ġew diskussi wkoll in-nomini għall-pożizzjonijiet ewlenin fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, liema diskussjoni se tkompli waqt Kunsill Ewropew speċjali ieħor li se jsir nhar il-Ħadd 30 ta’ Ġunju.
It-tibdil fil-klima kienet fost l-iktar temi importanti fid-diskussjoni bejn il-mexxejja Ewropej wara li l-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta biex l-effetti klimatiċi jkunu newtralizzati sas-sena 2050.
Malta kienet fost dawk il-pajjiżi li qablet ma’ din il-mira u sostniet li ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull pajjiż għandhom ikunu rikonoxxuti biex ikun hemm transizzjoni ġusta, għaqlija, u realistika. Pajjiżna ser ikompli jaħdem biex tkun implimentata l-Istrateġija Ewropea dwar il-Klima bil-għan li din tkun sottomessa fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) fis-sena 2020.
Numru żgħir ta’ pajjiżi saħqu li l-mira li l-effetti klimatiċi jiġu newtralizzati sal-2050 hija mira ambizzjuża wisq fil-kuntest nazzjonali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan il-qbil, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-bżonn li jitkompla x-xogħol fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex jitfassal qafas sal-aħħar ta’ din is-sena li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tasal għal din il-mira mingħajr konsegwenzi għall-kompetittività Ewropea kif ukoll tipproteġi l-interessi nazzjonali ta’ kull pajjiż.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa sehem ukoll fil-laqgħa dwar l-Ewro, li saret illum il-Ġimgħa. Waqt din il-laqgħa l-mexxejja Ewropej komplew jiddiskutu t-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika Monetarja, primarjament dwar l-istrument għall-konverġenza u l-kompetittività, ir-riforma tat-Trattat tal-Mekkaniżmu Ewropew dwar l-Istabbilità (ESM), u l-Unjoni Bankarja Ewropea.
Saret ukoll diskussjoni dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-iżviluppi politiċi.