Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata illi l-Ministru Helena Dalli qed tħares b’serjetà lejn il-Kummissjoni Ewropea bħala l-pass li jmiss fil-karriera tagħha. Dalli fil-fatt hija waħda mill-għażliet tal-Prim Ministru għal din il-kariga prestiġjuża kif kienet żvelat din il-gazzetta nhar is-16 ta’ Diċembru li għadda.
Sorsi qrib Dalli qalu li hi l-Ministru qed tipprepara għal din l-eventwalità, fosthom ukoll bl-elezzjonijiet li qed tieħu fil-Franċiż.
Minkejja dan iżda l-istess sorsi sostnew illi xejn għadu ma kien deċiż u li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu quddiemu diversi għażliet.
Waħda mill-għażliet hija li jaħtar lil Dalli bħala Kummissarju jew inkella lil Evarist Bartolo, Ministru li kien qed jissemma għall-Presidenza tar-Repubblika. Jekk jagħmel dan, Dalli jew inkella Bartolo jkollhom jgħaddu mit-test tal-Parlament Ewropew li jiddeċiedi b’maġġoranza japprovax lill-Kummissarji jew le. Karmenu Vella kien approvat u nħatar Kummissarju għall-Ambjent, Affarijiet Marittimi u Sajd.
Jekk il-Gvern jagħżel lil Dalli jew Bartolo, Muscat ikollu jwettaq xi tibdiliet fil-kabinett hekk kif jonqos Ministru. Din il-gazzetta kienet żvelat illi għal post Bartolo kandidat possibbli jista’ jkun Edward Zammit Lewis eks Ministru kif ukoll Clifton Grima, illum Segretarju Parlamentari taħt Bartolo. Min-naħa l-oħra, post Dalli jista’ jittieħed minn Aaron Farrugia, li llum jopera taħtha bħala Segretarju Parlamentari. Din il-gazzetta kellha informazzjoni wkoll li fil-każ tat-tluq ta’ Dalli, jista’ jkun tidħol ukoll Rosianne Cutajar.
Imma Muscat għandu għażla oħra jekk ma jridx jagħmel ċaqliq fil-Kabinett. Dik li jerġa’ jaħtar lil Karmenu Vella għal terminu ieħor ta’ ħames snin bħala Kummissarju. B’hekk ma jkollu bżonn jieħu lil ħadd mill-kabinett, ma jsirx tibdil u jevita l-qrusa li affarijiet bħal re-shuffles ġieli jġibu magħhom.
Għalkemm jidher illi hija ferm remota, hemm it-tielet għażla li għandu quddiemu l-Gvern, jiġifieri li f’każ illi Muscat ma jingħatax kariga għolja fl-istrutturi Ewropej bħal pereżempju r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u Sigurtà, jitfa’ ismu għall-Kummissarju Ewropew.
Sors qrib Muscat sostna illi minkejja li din l-għażla teżisti ma tantx huwa probabbli li Muscat jieħu r-riskju li jidher quddiem u jkun ‘grilled’ mill-Parlament Ewropew minn fejn ilu jiffaċċja ħafna kritika u fejn ittieħdu bosta voti u saru diversi rapporti ta’ kundanna għal aspetti ta’ governanza tal-Gvern ta’ Muscat.
Kieku Muscat jitfa’ l-kandidatura tiegħu għall-Kummissjoni u ma tgħaddix tkun umiljazzjoni kbira u allura r-riskju ta’ din l-għażla huwa kbir.
X’inhi l-Kummissjoni Ewropea? X’inhu l-irwol tagħha?
Il-Kummissjoni Ewropea hija l-Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea u tmexxi l-ineteressi tal-unjoni. Il-Kummissjoni hija magħmula minn 27 Kummissarju, bħal ministri, li lkoll għandhom portafoll differenti. Kull pajjiż għandu kummissarju, li fil-każ ta’ Malta huwa Karmenu Vella. Imexxihom hemm il-President li fl-aħħar leġiżlatura kien Jean Claude Juncker.