Il-proġett ta' Townsquare f’Tas-Sliema għadu kemm ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Kienu biss iċ-Ċerpersin tal-Bord tal-PA Vince Cassar, ċ-Ċerpersin tal-ERA Victor Axiak u Annick Bonello għan-nom tal-NGO's li vvutaw kontra dan il-proġett. Il-membri l-oħra tal-bord inkluż is-Sindku tal-lokalità u r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni vvotaw favur.
F'Diċembru li għadda l-iżviluppaturi tal-proġett ta' Townsquare f'Tas-Sliema kienu ressqu pjanijiet ġodda dettaljati lill-Awtorità tal-Ippjanar flimkien ma' studji addizzjonali li jindirizzaw ir-reviżjonijiet mitluba mit-Tribunal tal-PA. Il-pjanijiet ġodda jirriflettu deċiżjoni mill-iżviluppaturi f'Lulju li għadda sabiex jitnaqqas l-għoli tat-torri. Apparti minn hekk sar ukoll tibdil fil-pożizzjoni tat-torri biex jippermetti aktar aċċessibiltà għan-nies fit-triq u d-distanza mill-propjetajiet tal-viċin.
Dan għaliex fit-3 ta ' Mejju tal-istess sena, it-Tribunal tal-Appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar waqqa’ l-permess li kien ingħata għall-proġett ta’ Townsquare f’Tas-Sliema.Fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal saħaq li l-proċess għandu jibda mill-bidu għax ma kienx sodisfatt l-istudji li saru dwar dan il-proġett. Ikkritika wkoll b’mod partikolari s-social impact assessment.