Imma x'ġara biex Carlos Zarb mhux se jsir Viċi Sindku? L-ILLUM tistaqsi

Is-sit illum.com.mt jistaqsi lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għaliex inbidlet direttiva malajr, malajr u Carlos Zarb mhux se jsir Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar

Carlos Zarb, kien se jkun Viċi Sindku
Carlos Zarb, kien se jkun Viċi Sindku

Tista' tgħid illi ġiet riżolta l-kwistjoni ta' Carlos Zarb li llum, tlett ijiem qabel ħa l-ġurament ta' Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar  kien mgħarraf li fil-fatt mhux hu se jokkupa din il-kariga. Dan ġara wara bidla mhux mistennija f'direttiva li tkopri l-ħatriet ta' dawn il-pożizzjonijiet fil-Kunsilli Lokali. Oriġinarjament id-direttiva kienet tgħid li persuna bejn 17 u 18-il sena tista' tokkupa l-kariga ta' Viċi Sindku. Din imbagħad ġiet irrevokata. 

Is-sit illum.com.mt għamel kuntatt mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava li sostna illi dak li ġara kien żball jew inkella interpretazzjoni mhux korretta ta' emenda fil-liġi li hu jgħid illi minnha nnifisha ma kinitx ċara biżżejjed. 

Fava spjega lil dan is-sit kif il-karigi ta' Sindku u Viċi Sindku huma marbutin ma' xulxin, għaliex fin-nuqqas tas-Sindku, l-Viċi Sindku jeħtieġ jieħu l-kontroll tal-Kunsill. "Dan ifisser li jekk il-liġi tgħid li persuna illi għandha inqas minn 18-il sena ma tistax tkun Sindku, awtomatikament lanqas tista' tkun Viċi Sindku għax ma tistax taqdi dan id-dmir fin-nuqqas tas-Sindku." 

Zarb issa għalhekk se jkun Kunsillier f'isem il-Partit Laburista fil-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.

More in Politika