Ġiet miftuħa għall-pubbliku t-tielet bajja f’inqas minn ħmistax-il ġurnata, din id-darba ġewwa Marsaskala, fil-parti ta’ San Tumas, fil-bajja magħrufa bħala l-bajja tal-Fajtata. Il-bajja infetħet uffiċjalment mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.
Din il-bajja hija ffrekwentata ħafna minn nies, partikolarment dawk li joqogħdu fin-nofsinhar ta’ Malta. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, simili li sar fil-bajjiet l-oħra, bħal tal-Balluta u ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, ittella’ ramel mill-baħar stess li b’makkinarju speċjalizzat tferrex fl-entratura u ġiet iffurmata bajja ġdida mdaqqsa tar-ramel. Il-metodi użati kienu maqbula mal-awtoritajiet, fosthom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, sabiex isir l-inqas impatt negattiv possibbli fuq il-wiċċ tal-baħar.
Dan barra xogħol li sar mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi, fejn barra li installaw showers, bins tar-riċiklaġġ, u tejbu l-aċċessibiltà, għamlu diversi operazzjonijiet ta’ manutenzjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li din hija bajja oħra minn numru ta’ bajjiet li saru bi tħejjija għas-sajf. Huwa spjega kif dan il-gvern huwa kommess li jtejjeb il-prodott turistiku u jagħmel iżjed bajjiet għall-pubbliku kemm dak lokali kif ukoll barrani. Huwa rringrazzja lill-Awtorità Malija għat-Turiżmu u lill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi li ħadmu fuq dan il-proġett.