‘Il-kampanja mġebbda dwar l-abort fakkritni fil-kampanja mġebbda dwar Egrant’
Justin Schembri jwieġeb mistoqsijiet tal-ILLUM dwar is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-futur ta' Adrian Delia
minn Albert Gauci Cunningham
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-Partit Nazzjonalista u l-possibbilità ta' Kunsill Ġenerali li jiddeċiedi dwar il-futur ta' Delia, il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-kandidat u kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri.
X’inhu l-irwol tiegħek fil-Partit Nazzjonalista? U kemm ilek timmilita fih?
Mill-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena, se nibda nservi bħala Minority Leader għall-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara f’isem il-Partit Nazzjonalista. Għandi wkoll kull intenzjoni li nersaq għall-elezzjonijiet ġenerali tal-2022 fuq it-8 distrett, id-distrett li fih ikkontestajt ukoll fl-2017. Ilni naħdem – il-kelma ‘nimmilita’ hija kelma li ma narahiex tappella għall-politika – b’ħafna rieda u impenn fil-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar 6 snin
Il-PN tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bil-kbir, l-akbar telf fl-istorja. Taħseb li Adrian Delia għandu jirreżenja?
Le, madankollu għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ din it-telfa flimkien mal-amministrazzjoni. Iżda importanti ħafna nifhmu li meta qed ngħidu “jerfa’ r-responsabbiltà”, din ma tfissirx li jirriżenja, imma li jqis l-importanza tiegħu bħala Kap tal-Partit li kellu l-irwol ewlieni fil-kampanja elettorali u l-messaġġ li twassal lill-elettorat.
Min aktar taħseb li għandu jġorr responsabbilità ta’ din it-telfa?
L-elezzjonijiet ma jirbaħhomx Kap ta’ Partit, imma Partit sħiħ. Il-Partit Nazzjonalista huwa organu politiku massiv u nistgħu narawh bħala struttura li fiha diversi sottostrutturi li lkoll għandhom responsabbiltajiet differenti. Għalhekk, mhux lakemm wieħed jipponta sebgħu lejn il-Kap jew lejn l-Amministrazzjoni, għaliex kulħadd għandu sehem biex tintrebaħ elezzjoni, għaldaqstant kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà meta tintilef elezzjoni għax elezzjoni tintilef aktar milli tintrebaħ.
Issa huwa l-mument li jersaq quddiem il-Kunsill Ġenerali, jirbaħ vot ta’ fiduċja – ma għandi ebda dubju li ma jingħatax il-fiduċja assoluta – u jkollu punt tat-tluq, biex minn hemm jibda verament jasserixxi lilu nnifsu bħala Kap tal-Partit
Madankollu, l-Amministrazzjoni trid tagħmel analiżi oġġettiva – u għalhekk għandha tassigura li ma tkun bl-ebda mod suġġettiva għaliex inkella tkun ukoll emottiva u fi kwistjoni analitika-xjentifika l-emozzjoni mhix iġġustifikata – sabiex tara x’kienu r-raġunijiet għat-telfa, imma mingħajr ma tinjora qatt il-fattur tant importanti li ġeneralment qatt ma jiġi kkunsidrat: l-oppożizzjoni fl-elezzjoni, f’dan il-każ il-Partit Laburista li għaddej mill-aħjar mument tiegħu fi Storja Politika ta’ aktar minn 100 sena.
Imma mbagħad, id-Deputati u l-Kandidati wkoll iridu jerfgħu r-responsabbilità tagħhom, l-aktar dawk li naqsu li jaħdmu bis-sħiħ sabiex jinkiseb l-aħjar riżultat, u dawk li kellhom id-dmir politiku, u l-obbligu morali li jkunu l-ambaxxaturi tal-messaġġ politiku li pprova jwassal il-Partit waqt il-kampanja elettorali. Partit politiku huwa bħal logħba futbol, jekk id-difiża ma kinitx organizzata, jista’ jkollok lill-aqwa goalkeeper għaliex xi darba, se jogħtor għall-pressjoni u jaqla’ l-gowls.
Inħoss li iva, ħafna Deputati u Kandidati (kemm għall-Kunsilli Lokali u kemm għall-Parlament Ewropew) ma kinux sinkronizzati mal-aġenda tal-Partit Nazzjonalista u ma tawx il-100% tagħhom. Dawn allura, mhux ukoll iridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom? Għaliex kulħadd iħoss li għandu sehem fir-rebħ, imma jipponta sebgħu fit-telf u jfarfar kull responsabbilità?
Ma taħsibx li l-PN għamel żbalji kardinali fil-kampanja tal-aħħar elezzjoni li saret ix-xahar li għadda? L-abort pereżempju. Ma taħsibx li kien żball illi l-partit baqa’ jtambar tant fuqu?
Personalment tgħallimt inkun oġġettiv anke jekk mhux dejjem possibbli. Inħoss li l-Partit Nazzjonalista makellux kampanja elettorali li tispira lin-nies li mhumiex tradizzjonalment votanti Nazzjonalisti, anke jekk kien hemm spunti u mumenti fejn kien qed iwassal messaġġ pożittiv.
Id-diffikultà tal-Partit Nazzjonalista, u din hija dejjem waħda mid-diffikultajiet fil-politika, kienet il-metodu ta’ kif twassal il-messaġġ. Naħseb li l-Partit Nazzjonalista ma ftiehemx la meta tkellem dwar l-abort u lanqas meta tkellem dwar il-kura tal-kanċer u t-tassazzjoni komuni għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea anke jekk dawn kienu kollha argumenti validi u Ewropej, għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li kellu biss viżjoni lokali u għamel kampanja jiddefendi l-interessi tiegħu u jxejjen l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista.
Il-kwistjoni tal-abort, iva kienet imġebbda, u f’xi mumenti esaġerata u kultant fakkritni fl-argumenti kontinwi u mġebbda tal-‘Egrant’ fi żmien l-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Il-Partit Nazzjonalista għandu komunikatur tajjeb ħafna ħafna f’Adrian Delia, imma naqas milli jutilizzah bl-aħjar mod possibbli.
Il-media tal-Partit, media li mhix tilħaq biżżejjed nies kienet (u tibqa’) ukoll żvantaġġ għaliex il-messaġġ tiegħek ma tistax twasslu permezz tal-istazzjon nazzjonali.
Għal darb’oħra, il-media soċjali ma kinitx utilizzata bl-aħjar mod possibbli, u ma kienx hemm kordinazzjoni bejn il-kandidati għall-Parlament Ewropew sabiex jitwassal messaġġ wieħed. Kien hemm ukoll il-problema – illum evidenti aktar – ta’ kandidati li ma ħadmux għall-istess għan, kemm fuq livell Ewropew u kemm fuq livell lokali. Allura, inutli jkollok messaġġ tajjeb, jekk mhux kulħadd iżomm u jqis l-interess tal-Partit l-ewwel.
Inti għalliem. Fost l-għalliema kien hemm rabja għall-Gvern, kif kien hemm fost l-ambjentalisti, fost oħrajn. Għalfejn dawk il-faxex li ma jaqblux mal-Gvern ma vvutawx lill-PN?
Għal darb’oħra, irid ikollok partit li jidher quddiem l-elettorat bħala Partit pożittiv sabiex jattira. L-instabbilità ġġib magħha element ta’ biża’, u allura bħalissa, min iħares lejn il-Partit Nazzjonalista jinnota din l-instabbilità li ma tispirahx. Partit Politiku jrid jispira lill-elettorat, u l-Partit Nazzjonalista sfortunatament lanqas irnexxielu jispira lil dawk li fdawh bil-vot sentejn qabel fl-2017. Allura ma niskantax, li minkejja li f’pajjiżna għandna kollass ambjentali, kollass fl-iżvilupp edukattiv u kollass fl-immigrazzjoni fost oħrajn, il-poplu għażel il-kontinwità ta’ Joseph Muscat u l-Partit Laburista.
Isir Kunsill Ġenerali u jrid ikun deċiż il-futur ta’ Adrian Delia. Xi jkun l-appell tiegħek lill-Kunsilliera?
Jekk kemm-il darba nkun imsejjaħ biex nivvota f’Kunsill Ġenerali f’vot ta’ fiduċja fil-Kap tal-Partit, jiena nagħżel li nivvota għall-Partit Nazzjonalista u mhux għall-individwu.
Inqis lil Adrian Delia bħala politiku li jrid jipprometti, li għandu l-ideat, l-enerġija u d-determinazzjoni għall-Partit imma fl-istess waqt ninnota li kellu ħafna diffikultajiet interni. Issa huwa l-mument li jersaq quddiem il-Kunsill Ġenerali, jirbaħ vot ta’ fiduċja – ma għandi ebda dubju li ma jingħatax il-fiduċja assoluta – u jkollu punt tat-tluq, biex minn hemm jibda verament jasserixxi lilu nnifsu bħala Kap tal-Partit.
Minn hemm iridu jittieħdu deċiżjonijiet iebsa – anke iebsa ħafna – bidliet strutturali u strateġiċi sabiex il-Partit jibda jiġġedded sa fl-aħħar. Il-Partit Nazzjonalista kellu 3 Kapijiet tal-Partit f’kemm ilu Joseph Muscat imexxi lill-PL, u naħseb li dan wassal għal instabbilità politika fil-Partit li minnha ma ggwadanja ħadd.
Kulħadd irid iqis li t-tesserati taw lil Delia mandatta’ 5 snin u għandhom ikunu rispettati, imma kulħadd għandu jivvota b’kuxjenza u b’konvinzjoni u jżomm il-lealtà lejn il-Partit Nazzjonalista
Jekk kellek tistaqsini kontx naqbel li Simon Busuttil jirriżenja wara l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, kont immur għall-kontinwità u nwassal bih sal-2022, għaliex 4 snin tat-tmexxija tiegħu kienu ftit, sena u nofs ta’ Adrian Delia, huma ftit bil-wisq aktar. L-instabbilità interna qiegħda xxekkel lill-Partit milli jagħmel avvanzi mal-elettorat.
Allura l-appell huwa wieħed, anke jekk il-vot jittieħed fil-Kunsill Ġenerali, kulħadd irid iqis li t-tesserati taw lil Delia mandatta’ 5 snin u għandhom ikunu rispettati, imma kulħadd għandu jivvota b’kuxjenza u b’konvinzjoni u jżomm il-lealtà lejn il-Partit Nazzjonalista l-ewwel qabel kull individwu.
Bla ebda dubju, il-Partit Nazzjonalista jista’ jaħdem u jirnexxi b’Adrian Delia bħala Kap tal-Partit.
Ma taħsibx li xi ħadd bħal Claudio Grech jew Roberta Mestola jew Bernard Grech jistgħu jiksbu riżultati aħjar għall-PN?
Dawn il-kollegi tiegħi huma kollha persuni validissimi ħafna u li kollha narahom fil-pożizzjoni ta’ Kap ta’ Partit, madankollu ntenni, li fil-mument il-Partit Nazzjonalista, ikollu lil min ikollu Kap, għandu bżonn l-unità. Dan mhuwiex il-mument li jinbidel il-Kap tal-Partit, imma huwa l-mument li fih il-Partit Nazzjonalista jirristruttura lilu nnifsu kompletament biex ikun organizzat għall-elezzjoni li jmiss.
Madankollu importanti li Adrian Delia jkun ikkonfermat Kap tal-Partit sabiex ikollu l-punt tat-tluq u jxejjen kull dubju u inċertezza. Jekk le, jekk il-Partit Nazzjonalista jibqa’ għaddej minn din l-instbbilità interna, jitlef kull tama li jkollu s-sehem demokratiku li huwa obbligat lejh mistenni minn Oppożizzjoni.
Fejn ikun Justin Schembri fil-PN jekk Delia ma jibqax Kap?
L-elettorat Karkariż tani mandat b’saħħtu sabiex nirrappreżentahom fil-Kunsill Lokali sal-2024, u dan huwa l-obbligu tiegħi. Sadanittant se nkun qed naħdem u se nagħti sehmi biex il-Partit Nazzjonalista jkun rilevanti biżżejjed biex jirbaħ il-fiduċja tal-elettorat u jirbaħ il-maġġoranza, ikun min ikun il-Kap tal-Partit.