Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia injora mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk jaqbilx li għandu jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali wara l-petizzjoni ffirmata minn aktar minn 150 membru tal-Kunsill Ġenerali.
Mistoqsi jekk hux lest li jiffaċja sejħiet dwar ir-riżenja tiegħu fil-Kunsill Ġenerali, Delia wieġeb biss li nhar il-Ħamis se jkun qed jitlaqqa l-Eżekuttiv tal-Partit li se jkun qed jiddeċiedi dwar din il-petizzjoni u anke t-triq 'il quddiem.
Il-ġurnalist ta' The Times of Malta staqsa lil Delia għalfejn qed jinjora dawn it-talbiet għar-riżenja tiegħu, b'Delia jwieġeb li mhux qed jinjorahom.
Insista li l-Partit Nazzjonalista għandu statut. Fi kliemu mhuwiex il-Kap li jiddeċiedi dak li għandu jseħħ, iżda r-regoli u l-istatut tal-Partit.
"Aħna partit demokratiku," insista Delia.
Huwa saħaq li l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddeċiedi dwar xi jkun fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista bħalissa, inkluż jekk għandux jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali.
Delia kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara laqgħa li damet madwar sagħtejn tal-Grupp Parlamentari.