Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern b’abbandun totali fil-qasam diplomatiku u dan għax fi kliemu, Malta ma għadhiex ikkunsidrata aktar rilevanti għas-soluzzjonijiet lejn il-paċi u d-demokrazija.
Din l-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista ħariġha għax il-Prim Ministru Libjan, Fajez Serraj, kien l-Italja jiddiskuti u jikkonsulta mal-Gvern Taljan.
Il-kelliema Carm Mifsud Bonnici u Roselyn Borg Knight fakkru kif fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, il-Libja dejjem kien miżmum għoli fil-prijoritajiet.
“Ifakkar ir-rabtiet storiċi, soċjali u bilaterali li kellmna. Dejjem rajnieh bħala ħabib u determinanti fit-tkabbir ekononiku tagħna u tar-reġjun,” tisħaq l-istqarrija.
Il-PN kompla jinsisti li l-kunflitt fil-Libja li ilu għaddej diversi ġimgħat qed joffri spazju perikoluż għall-gruppi terroristiċi.
“Sitwazzjoni li m’għandniex nittolleraw u nistennew fil-ġenb qisu mhu qed jiġri xejn,” saħaq il-PN.
Appella biex jittieħdu l-passi u l-miżuri neċessarji biex il-pajjiż jgħin fil-ħidma diplomatika.
“Ma nistgħux nibqgħu nassistu għal dan l-abbandun għax il-konsegwenzi se jaffettwaw il-futur tagħna,” temmet tgħid l-istqarrija.