Il-Mexxejja Ewropej għażlu lill-Ġermaniża Ursula Von Der Leyen biex tmexxi il-Kummissjoni Ewropea għat-terminu li jmiss u tieħu post Jean Claude Juncker. Leyen għandha 60 sena u hija membru tal-partit CDU (Christian Democratic Party) mmexxi minn Angela Merkel.
Din hija l-ewwel darba li l-Kummmissjoni se tkun mmexxija minn mara, li hija l-uniku Ministru li baqgħet dejjem fil-kabinett kemm ilha Kanċillier Angela Merkel. Dan jagħmilha qrib ħafna l-kanċillier Ġermaniż u alleat b'saħħtu tagħha fil-Gvern.
Il-mexxejja Ewropej ilhom minn nhar il-Ħadd f'laqgħat biex jintlaħaq qbil dwar min se jokkupa l-aktar erba' rwoli importanti fl-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.
Jidher li minkejja diversi xnigħat imma wkoll minkejja tentattivi fuq livell Ewropew il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat mhux se jkun qed jingħata waħda mill-karigi li se jkollhom is-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) fit-tmexxija tal-UE . Fil-fatt il-midja tal-Partit Laburista rrappurtat illi Muscat kien qrib li jieħu l-kariga ta' President tal-Kunsill Ewropew, xi ħaġa iżda li eventwalment ma ġratx lanqas.