Jitħabbar proġett ta' akkomodazzjoni soċjali f'Għawdex
Il-proġett se jkun jinkludi bini ta' tmien appartamenti mifruxa fuq erba’ sulari
More in Politika
Il-proġett se jkun jinkludi bini ta' tmien appartamenti mifruxa fuq erba’ sulari
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ġie ppubblikat tender biex f’Għawdex tinbena blokka ta’ appartamenti biex isservi għall-iskop ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Caruana qalet li dan il-proġett li se jkun qed jinbena fl-inħawi Taċ-Ċawla fit-Rabat, se jkun jikkonsisti b'bini ta' tmien appartamenti, bil-bini se jkun jilħaq miri ambjentali skont l-istrateġija Eko Ghawdex.
‘Din il-blokka ser tiġi kkumplimentata bit-tisbiħ taż-żona u għalhekk spazji miftuħa riġenerati u riorganizzazzjoni tal-parkeġġ eżistenti biex tiżdied il-kapaċità. Dan ifisser allura proġett ħolistiku biex tiġi riġenerata żona sħiħa u jkun hemm titjib sostanzjali fl-ambjenti ta’ Taċ-Ċawla’, qalet il-Ministru Caruana.
Il-Perit Shawn Micallef spjega li din il-binja ser tkun tikkonsisti minn 8 appartamenti mifruxa fuq erba’ sulari.
Kull appartament se jokkupa spazju ta’ 111 metru kwadru u se jinkludi tlett ikmamar tas-sodda.
“Apparti hekk ser nassiguraw li kemm waqt il-kostruzzjoni u kif ukoll fil-finishing ta’ din il-blokka ta’ appartamenti ser inkunu qiegħdin nagħtu prijorità sabiex tkun kemm jista ikun energy efficient”, kompla il-Perit Micallef.
Il-Perit qal li ż-żona tal-madwar ser tiġi riġenerata u tissebbaħ billi jiġu insallati faċilitajiet biex jitgawdew mir-residenti kif ukoll spazju għall-parkeġġ.