Ġurnata kollha battibekki ... l-ILLUM tiżvela l-emails li bagħtu Karol u David
Karol Aquilina jinsisti li jitlaqqa' l-Grupp Parlamentari qabel il-Kumitat Eżekuttiv tal-lejla
minn Yendrick Cioffi
Sorsi fi ħdan il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu mas-sit illum.com.mt li fl-aħħar sigħat kienu għaddejin battibekki bejn id-Deputat Karol Aquilina u anke l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius, hekk kif Aquilina kien qed jinsisti li l-Grupp Parlamentari ma kienx se jkollu biżżejjed voti fil-Kumitat Eżekuttiv.
Deputati li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li dan il-punt tqajjem minn Karol Aquilina waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li sar nhar it-Tnejn li għadda, bil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jirribatti personalment għal dawn l-argumenti. Jidher ukoll li dan il-punt tqajjem diversi drabi mid-Deputat Chris Said.
Il-Grupp Parlamentari jagħżel tlettax-il Deputat biex jivvota fil-Kumitat Eżekuttiv u dawn apparti l-Kap, iż-żewġ viċi kapijiet, is-Segretarju Ġenerali u uffiċjali oħra li jkollhom vot awtomatiku.
X’kiteb Karol fl-imejl?
Meta Aquilina qajjem dan il-punt, il-Viċi Kap David Agius qallu li se jkun qed jiċċekja mal-minuti tal-laqgħa li kienet saret fit-8 ta’ Ġunju tal-2017 u li fiha ġew magħżula d-Deputati bi dritt għal vot fl-Eżekuttiv.
Fl-aħħar sigħat, id-Deputat Karol Aquilina bagħat imejl lil Agius, li fiha kkopja lill-Grupp Parlamentari kollu u anke liċ-Ċermen tal-Kummissjoni Elettorali, biex jaġġornah dwar dak li sab u x'passi se jittieħdu.
Dan is-sit ra din l-imejl li għandhom id-Deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista. Fiha, Aquilina jfakkar lil Agius li llum stess se jitlaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv u għalhekk talab li qabel, jiġifieri waranofsinhar, issir laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari biex matulha ssir votazzjoni fost il-membri dwar min għandu jkollu dritt li jivvota fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Kif wieġeb Agius u x’se jiġri issa?
Agius wieġbu u qallu li se jkun qed jiddiskuti dan mal-Kummissjoni Elettorali, iżda pronta kienet l-imejl risposta ta’ Aquilina li insista miegħu li din hija kwistjoni tal-Grupp Parlamentari u mhux tal-Kummissjoni Elettorali.
David Agius reġa' informa lill-Grupp Parlamentari li wara li tkellem ma’ Richard Muscat, Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, irriżulta li warajh u Kristy Debono, next in line biex jivvutaw fil-Kumitat Eżekuttiv, huma Ryan Callus u Therese Commodini Cachia.
David Agius u Kristy Debono, minħabba l-irwoli tagħhom għandhom vot awtomatiku fil-Kumitat Eżekutti u għalhekk il-vot tagħhom ikun jeħtieġ jingħata lil Deputati oħra, biex il-Grupp Parlamentari jkollu 13-il Deputat (apparti t-tmexxija) bi dritt tal-vot.
Iżda Karol jibqa' mhux kuntent u jinsisti li jitlaqqa' l-Grupp Parlamenari
Madanakollu, Aquilina xorta waħda baqa' mhux kuntent hekk kif reġa' wieġeb lil David Agius jitolbu biex jibgħat lill-Grupp Parlamentari kollu kopja tal-minuti tal-laqgħa li saret fit-8 ta' Ġunju ta' sentejn ilu u ta' kwalunkwe dokument ieħor li permezz tiegħu waslu għall-konklużjoni dwar min għandu jivvota llejla.
"Qiegħed b'mod speċifiku nitolbok tibgħat kopja tal-oriġinali tal-imsemmija dokument u mhux sempliċiment tikkopja u/jew tikkwota minnhom. Ilkoll nafu x'jista' jiġri meta wieħed jikkopja u/jew jikkwota,' tgħid sarkastikament l-imejl li ra dan is-sit.
Aquilina jkompli jfakkar lil Agius li fit-8 ta' Ġunju tal-2017 il-Grupp Parlamentari ma kienx kostitwit b'mod sħiħ għax kien fadal l-elezzjonijiet każwali u kien hemm il-ħtieġa biex jiġu eletti l-membri bi dritt tal-vot minħabba laqgħa tal-Eżekuttiv li saret fit-12 ta' Ġunju tal-istess sena.
Baqa' jinsisti li d-deċiżjoni dwar min mid-Deputati għandu dritt jivvota tibqa' tal-Grupp Parlamentari u għalhekk baqa' jinsisti li jitlaqqa' l-Grupp Parlamentari llum waranofsinhar.
X’qal Agius ma’ dan is-sit?
Intant, dan is-sit għamel kuntatt ma’ David Agius li min-naħa tiegħu saħaq li dak li jiġi deċiż u diskuss fil-Grupp Parlamentari jibqa’ fil-Grupp Parlamentari.
“Iżda nassigurak li min-naħa tiegħi kollox isir b’mod professjonali,” insista Agius.
X’se jsir illejla?
Illejla, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddiskuti l-aġenda tal-Kunsill Ġenerali wara petizzjoni mressqa quddiemu biex jiltaqa'.
Il-Kumitat Eżekuttiv se jkun qed ukoll jeleġġi karigi ta' uffiċjali għolja tal-partit, fosthom tal-President tal-istess Kumitat, il-President tal-Amministrattiv u anke t-Teżorier.