Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Kunsill il-ġdid tas-Siġġiewi għandu l-ħsieb li jwaqqa' l-appell li kien daħħal il-Kunsill preċedenti tas-Siġġiewi dwar l-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni soċjali affordabbli fl-istess lokalità.
Sorsi li tkellmu mal-ILLUM żvelaw li għalkemm dan il-ħsieb għadu wieħed bikri għaliex il-leġiżlazzjoni l-ġdida bdiet proprju din il-ġimgħa, il-Kunsill huwa kommess li dan l-appell jiġi rtirat. Minkejja dan xejn mhu konkluż hekk kif il-materja għad trid tiġi diskussa waqt waħda mil-laqgħat tal-Kunsill Lokali
Il-kwistjoni tal-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi
Dan il-proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli inizjalment ġie ppreparat lura għall-2006 però finalment beda jimmaterjalizza fl-2013. Il-proġett jinkludi l-bini ta’ madwar 65 appartament, spazju miftuħ li jkompli jagħti għat-toroq eżistenti, faċilitajiet ta’ childcare u saħansitra sheltered housing għall-anzjani.
Il-pjanijiet tal-proġett kien wassal għal furur kbir minn diversi residenti tal-lokalità, li kienu saħansitra pprotestaw fit-toroq tas-Siġġiewi kontra dak li huma kienu sejħu bħala, “żvilupp esaġerat.”
Il-Kunsill Lokali dak iż-żmien b’maġġoranza Nazzjonalista u taħt it-tmexxija tas-Sindku Alessia Psaila Zammit kienu wkoll tal-istess fehma. Dan kien saħaq kemm-il darba li dan l-iżvilupp kien se jaffettwa b’mod negattiv lis-Siġġiewi. Minkejja din kollu, l-iżvilupp kien ingħata l-barka mill-awtoritajiet tal-Ippjanar fl-2017, bil-pjan il-ġdid jinkludi emendi sabiex jiġu indirizzati t-tħassib tar-residenti. Fost l-oħrajn, il-Gvern kien iddeċieda li l-proġett ma jinkludix sular ieħor fuq dawk eżistenti u li l-ispazju tal-parkeġġ jitla’ għal ħafna aktar minn dak mitlub mil-liġi.
Għaldaqstant, fid-dawl tal-barka tal-PA l-Kunsill Lokali kien beda jdawwar petizzjoni mar-Residenti sabiex dan il-proġett jiġi rivedut għal darb’oħra. Aktar tard, il-Kunsill kien ukoll appella mid-deċiżjoni tal-PA.
Intant, meta mistoqsi mill-gazzetta ILLUM is-Sindku Laburista tas-Siġġiewi Kurstein Sant sostna li din il-kwistjoni kienet għadha ma ġietx diskussa fil-Kunsill. “Għadna ma ddiskutejniex din l-affari u allura ma nistax nikkummenta.”