Il-Prim Ministru inkariga lis-Segretarju Permanenti Ewlieni biex issir analiżi dwar ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi
Dan ir-rapport kien ippubblikat fl-aħħar jiem u fih, il-Kummissarju George Hyzler, fost affarijiet oħra, ikkritika l-prattika li tagħti impjiegi governattivi jew ta' konsulenzi lid-Deputati tal-backbench tal-Gvern.
Ir-rapport jisħaq li din il-prattika tikser l-irwol tal-Parlament fl-iskrutinizzar tal-Eżekuttiv (il-Gvern), tmur kontra l-prinċipji tal-Kostituzzjoni, tmur kontra l-Kodiċi tal-Etika tal-Impjegati Pubbliċi u membri ta' bords, tpoġġi lid-Deputati f'pożizzjoni ta' dipendenza finanzjarja fuq l-Eżekuttiv u allura tnaqqas l-indipendenza tagħhom.
Jgħid ukoll li din il-prattika tiddiskrimina bejn Deputati tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni għax tagħti lil dawk tal-Gvern vantaġġ, tippolitiċiżża entitajiet statutorji u tnaqqas mill-indipendenza tagħhom.
Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li l-analiżi se tkun tinkludi l-aspetti legali mqajma u anke dawk amministrattivi, filwaqt li l-Prim Ministru kkommetta ruħu li jippubblika din l-analiżi.