L-Awdituri Ewropej iħeġġu għal testijiet aktar iebsin fuq il-banek

Mill-2011 ’il hawn, l-EBA mexxiet it-testijiet tal-istress fl-UE kollha biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tal-banek għal xokkijiet bħal reċessjoni qawwija, kollass tas-suq tal-istokks, jew telf ta’ fiduċja

Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-aħħar test tal-istress għall-banek li twettaq mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) missu kien aktar eżiġenti f’dak li jirrigwarda l-ittestjar tar-reżiljenza tal-banek għar-riskji sistemiċi fl-UE kollha. L-awdituri jgħidu li x-xokkijiet simulati kienu fil-fatt ħafna inqas minn dawk esperjenzati matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, u x-xenarju avvers li ntuża ma kienx jirrifletti b’mod xieraq ir-riskji sistemiċi kollha li kienu rilevanti għas-sistema finanzjarja tal-UE. Barra minn hekk, meta fasslet u wettqet it-test, l-EBA serrħet ħafna fuq l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, iżda kellha nuqqas ta’ riżorsi u ma setgħetx tissorveljahom b’mod effettiv.

Mill-2011 ’il hawn, l-EBA mexxiet it-testijiet tal-istress fl-UE kollha biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tal-banek għal xokkijiet bħal reċessjoni qawwija, kollass tas-suq tal-istokks, jew telf ta’ fiduċja. L-awdituri eżaminaw jekk it-test li twettaq fl-2018 kienx adatt għall-iskop tiegħu. Huma analizzaw il-kriterji għall-għażla tal-banek u l-proċess għall-identifikazzjoni tar-riskji.

It-test tal-istress li twettaq fl-2018 kien jimponi xenarji avversi inqas severi f’pajjiżi li għandhom ekonomiji dgħajfa u sistemi finanzjarji aktar vulnerabbli. Għal din ir-raġuni, jista’ jkun li l-impatt baxx fuq ċerti banek ma kienx dovut għall-fatt li dawn kienu f’qagħda aħjar, iżda pjuttost minħabba li ġie applikat livell aktar baxx ta’ stress. L-awdituri sabu wkoll li mhux il-banek kollha li huma vulnerabbli ġew inklużi fit-test u li ċerti banek b’livell ogħla ta’ riskju ġew esklużi.

L-awdituri jirrakkomandaw li l-Kummissjoni Ewropea tirrevedi u ssaħħaħ l-arranġamenti ta’ governanza tal-EBA u żżid ir-riżorsi tagħha biex it-testijiet tal-istress li jsiru fil-futur ma jkunux suġġetti għal nuqqasijiet simili. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-EBA:

 

  • iżżid il-firxa ġeografika tat-testijiet tagħha u tagħżel il-banek abbażi tar-riskji sistemiċi wkoll, aktar milli fuq id-daqs biss;
  • tiddefinixxi l-livelli minimi tal-istress għall-UE kollha u tqis ir-riskji mill-perspettiva ta’ sistema finanzjarja fil-livell tal-UE;
  • ittejjeb il-kontroll tagħha fuq it-tfassil tat-test u ssaħħaħ l-approċċ superviżorju tagħha.

     

More in Politika