"L-istudenti għandhom jingħataw ċ-ċans li jbiddlu l-pajjiż u l-ispazju kollu biex iwasslu l-ideat tagħhom għaliex huma l-preżent u l-futur ta' pajjiżna.", hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa ma' delegazzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Delia qal li l-KSU għandha potenzjal kbir u għalhekk m'għandix tispiċċa tiġġieled għall-istudenti biex jingħatalhom l-affarijiet bażiċi, iżda minflok għandha tingħata aktar opportunitajiet, l-ispazju u investiment sabiex il-KSU tkun tista' tirrappreżenta u tipproponi fl-aħjar interess tal-istudenti universitarji.
Min-naħa tal-KSU ntqal li l-istudenti Maltin għandhom potenzjal enormi li mhux dejjem jiġi sfruttat biżżejjed. Il-KSU taħdem biex l-istudenti universitarji jingħataw l-importanza li jixirqilhom fuq livell nazzjonali, u dan biex il-pajjiż iħares bl-aħjar mod l-interessi tagħhom u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Matul din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlamentari David Agius filwaqt li d-delegazzjoni tal-KSU kienet immexxija mill-President William Farrugia.