Il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-ftehim tal-Gvern mas-sidien tal-lukanda Fortina sabiex jsir żvilupp fuq is-sit biswit ix-xatt f’Tas-Sliema.
Aktar kmieni illum l-membri tal-Oppożizzjoni vvotaw kontra dan il-ftehim waqt laqgħa tal-kumitat tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Verifika.
Id-deputati tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Ryan Callus u Toni Bezzina kollha vvutaw kontra.
L-Oppożizzjoni saħqet li għandha tħassib serju dwar il-mod kif is-sidien tal-Fortina jinnegozjaw mal-Gvern. Fl-istess waqt huma qalu li l-valutazzjoni li saret tħalli mistoqsijiet kbar.
Biex jitneħħew dawn il-kundizzjonijiet għal żvilupp l-investituri jridu jħallsu s-somma ta’ €8 miljuni mis-sidien. Is-sidien diġà aċċettaw li jħallsu t-€8 miljuni mitluba mid-Dipartiment tal-Artijiet u qed jitolbu li t-termini ta’ ħlas ikunu €1 miljun mal-kuntratt biex jitneħħew il-kundizzjonijiet u €7.1 miljun fuq 10 snin mid-data tal-kuntratt.
Minn naħa l-oħra, n-nutar Malcolm Mangion li huwa l-konsulent tas-sidien qal li valutazzjoni kienet ibbażata fuq kemm il-kuntratt oriġinarju u fuq iż-żona tal-permess li mhux se tinbidel. Żied jgħid li f’dan il-proġett l-ispazju miftuħ mhux se jintilef u għalhekk il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq il-permess.
Finalment huwa qal li s-sidien se jkunu qed iħallsu erba’ darbiet aktar minn kemm suppost qed iħallsu għal dan l-iżvilupp.