L-MEP Alex Agius Saliba talab lill-President nominata tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, biex tagħti impenn ċar u b’saħħtu biex b’mod urġenti tissolva l-kriżi tal-immigrazzjoni filwaqt li jingħata appoġġ denju u ġust lill-pajjiżi tal-fruntieri, bħal Malta.
Huwa qal dan kollu waqt laqgħa bejn il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u von der Leyen.
Agius Saliba qal li huwa stenna risposti ferm aktar konkreti mill-President nominata. “Staqsejna bosta mistoqsijiet, iżda bqajna bla risposti jew inkella b’risposti vagi”, qal l-Ewro-Parlamentari Malti wara l-laqgħa.
Agius Saliba qal li huwa importanti ħafna għalih li l-President nominata tagħti impenn ċar li se tkun qed taħdem biex din il-problema Ewropea tiġi indirizzata bis-serjetà. Huwa fakkar kif matul din il-ġimgħa biss, 44 immigrant ġew diżimbarkati f’Malta, u li din kienet it-tieni darba fi spazju ta’ ftit jiem.
“Il-kriżi tal-immigrazzjoni tibqa’ sfida ewlenija li hemm bżonn tiġi ndirizzata fi spirtu ta’ solidarjetà u umanità. Irridu li von der Leyen twiegħdna li s-sitwazzjoni attwali ta’ mblokk li teżisti fil-Kunsill fuq ir-riforma dwar l-ażil tiġi riżolta. Aħna rridu li r-Regolament ta’ Dublin jiġi rivedut għaliex huwa ċar li mhux qiegħed jaqdi l-funzjoni tiegħu”, kompla jgħid l-Ewro-Parlamentari tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba.
Huwa saħaq li l-KE l-ġdida hemm bżonn li tagħti aktar għajnuna finanzjarja filwaqt li tinvesti fil-pajjiżi tal-fruntieri, bħalma huwa Malta. "Irridu li nindirizzaw l-isfidi li jgħaddu minnhom il-gżejjer tal-Mediterran, b’hekk hemm bżonn b’mod tanġibbli solidarjetà u soluzzjoni Ewropea biex ikun hemm distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-immigranti bejn l-Istati Membri kollha," qal Agius Saliba. Żied jgħid li, "filwaqt li bħala Unjoni rridu naraw li nipprovdu l-għajnuna neċessarja lill-pajjiżi tal-oriġini u dawk tat-tranżitu sabiex ikunu jistgħu jipprovdu kwalità ta’ ħajja u opportunitajiet aħjar liċ-ċittadini tagħhom."
Agius Saliba kkonkluda billi qal li biex dan kollu jkun possibbli, hemm bżonn l-appoġġ u l-impenn assolut tal-Kummissjoni l-ġdida.