‘Nagħmel is-sena u nitlaq ... ma rridx insir kap interim’
Minkejja li hemm min qed jimbuttah għat-tmexxija tal-PN, mal-ILLUM Louis Galea huwa skjett dwar l-intenzjonijiet tiegħu...
More in Politika
Minkejja li hemm min qed jimbuttah għat-tmexxija tal-PN, mal-ILLUM Louis Galea huwa skjett dwar l-intenzjonijiet tiegħu...
Minkejja li hemm min fil-Partit Nazzjonalista qiegħed jibgħat messaġġi u anke jimbutta ’l quddiem lil Louis Galea bħala kap interim, mal-ILLUM dan jaqta’ l-għatx bil-perżut u jagħmilha ċara li m’għandu ebda interess jieħu t-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Mistoqsi mill-ILLUM Galea qal hekk; ‘bl-aktar mod ċar u skjett le, m’iniex interessat. Għidtha u nerġa’ ngħidha. Anzi qed immur jien stess, nippreċedihom jiena lill-Kunsilliera u ngħidilhom li kull min qed jgħidilkom li jien interessat inkun kap, qed jgħidilkom ħażin.’
“Jiena nlesti l-ħidma ta’ sena u nitlaq. Ma rridx inkun kap interim,” sostna skjett Galea.
Mal-ILLUM Galea fakkar li lanqas l-istatut ma jidħol fil-merti ta’ kap interim u ħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex jimxu mal-istatut.
Fil-kuntatt tal-ILLUM miegħu, Galea spjega kif qed jiltaqa’ mal-friegħi kollha tal-partit kif ukoll beda l-proċess biex jiltaqa’ mad-Deputati kollha tal-PN.
Mistoqsi fuq ċerti suġġetti bħad-drittijiet ċivili (nhar il-Ħadd li ġej l-ILLUM se tippubblika intervista sħiħa ma’ Galea) hu jfakkar illi l-PN, matul is-snin, għamel differenza u progress fis-soċjetà u jfakkar illi meta l-PN tela’ fil-Gvern sab soċjetà ffossilizzata. “Aħna daħħalna l-ugwaljanza bejn mara u raġel, għamilna riformi fit-taxxa, fl-edukazzjoni u aħna biddilna s-soċjetà bil-policies, strateġiji u investiment fl-ekonomija, fil-kultura u fil-qasam soċjali. “Konna aħna wkoll li daħħalna fil-liġi miżuri kontra attakki fuq bażi ta’ sesswalità.”
Minkejja dan jgħid li llum inbidlu l-forom tal-familji, l-istil tal-ħajja u anke kwistjonijiet ta’ spirtu u twemmin. Jammetti illi forsi l-PN ma mexiex biżżejjed ’il quddiem biex ilaħħaq ma’ dawn il-bidliet.
Jammetti wkoll li l-PN seta’ mar f’ċerti estremitajiet, fejn jidħlu permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar jew fir-rigward ta’ negozji għalkemm jinsisiti li ma jistax ikun hemm “sistema ta’ poter li lesta tikkuntenta lil kulħadd, anke jekk dak li qed jintalab mhux fl-interess nazzjonali.”
Jinsisti wkoll li hu mhux qiegħed fil-politika biex ikun fil-Gvern il-ħin kollu, “imma biex ikolli l-appoġġ relevanti biex nagħtu viżjoni lin-nies.”
Finalment l-ILLUM tistaqsih dwar id-dokument ‘Fehmiet Bażiċi’ li kien ippubblikat fit-80ijiet, meta hu kien Segretarju Ġenerali u li huwa mifhum illi bena l-bażi għall-politika tal-PN għas-snin 80/90, kif ukoll għall-mixja ta’ Malta biex tissieħeb fl-Unjoni Ewopea.
L-ewwel nett jikkonferma li l-PN se jkun qed joffri dokument ieħor li jagħti d-direzzjoni tal-bidla u frott ir-riforma li għadha kif bdiet. Jgħid ukoll illi meta taqrah, il-Fehmiet Bażiċi, tinduna li hemm suġġerimenti u aspetti li għadhom validi sal-lum, anke jekk dak kien żmien differenti ħafna.”
(Bħal-lum ġimgħa l-LLUM se tippubblika intervista aktar intensiva li se titratta punti differenti dwar il-PN u t-tmexxija ta’ Adrian Delia)