"Il-familja Caruana Galizia u l-poplu Malti u Għawdxi bi dritt jistennew li jsiru jafu l-verità kollha dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia," sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Fi stqarrija huwa qal li, "fl-aħħar il-Gvern sab ir-rieda sabiex jagħmel dak li jmissu għamel hekk kif inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u jistenna li jinħatar bord ta' inkjesta li ma jkollu l-ebda tebgħa politika," għaliex skontu "b'hekk biss ikun qiegħed iseħħ dak li s-saltna tad-dritt titlob."
Ilbieraħ il-Ministru Carmelo Abela qal li fi żmien tliet xhur il-Gvern Malti se jkun qiegħed iwaqqaf inkjesta pubblika sabiex tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet ta' pajjiżna kienux adegwati biex jipproteġu l-ħajja ta' Caruana Galizia.
Skont il-PN, "il-Gvern ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh biex jagħmel dak li titlob is-saltna tad-dritt, u biex ma jaqdix dmiru żeblaħ ir-reputazzjoni ta' Malta fil-Kunsill tal-Ewropa."
Fl-istess waqt Delia qal li qed jittama li din l-inkjesta pubblika, "ma tkunx waħda fażulla u għalhekk kull persuna maħtura fuq dan il-Bord għandu jkun indipendenti u imparzjali b'tali mod li m'għandu l-ebda tebgħa jew rabta politika jew xorta oħra fuqu. F'dan l-ispirtu l-ħatra tal-Bord għandha ssir mill-Parlament sħiħ u mhux mill-Prim Ministru Joseph Muscat waħdu, li wara kollox kellu jċedi biex jaħtar dan il-Bord kontra qalbu u wara pressjoni mill-Kunsill tal-Ewropa."
Apparti minn hekk huwa kompla jisħaq li l-Bord tal-Inkjesta għandu jingħata fost oħrajn ir-remit sabiex jiddetermina jekk il-mewt ta' Caruana Galizia setgħetx tiġi evitata, jekk l-Istat qdiex l-obbligu tiegħu li jieħu l-passi neċessarji fid-dawl ta' ċirkostanzi li setgħu jindikawlu l-preġudizzju u l-periklu li Caruana Galizia kienet fih u jistħarreġ ukoll, jekk il-proċeduri u strutturi amministrattivi kinux suffiċjenti sabiex jipproteġu l-ħajja ta' Caruana Galizia.
"Huwa b'hekk biss li l-Istat Malti jkun qiegħed jaqdi dmiru u jwettaq ġustizzja kemm mal-familja Caruana Galizia kif ukoll mal-poplu Malti u Għawdxi kollu," temm jgħid Delia.