Il-bejgħ tal-proprjetà jonqos fl-aħħar ġimgħat u Chetcuti jikkonferma

Il-bejgħ tal-proprjetà li ra tkabbir qawwi fl-aħħar ħames snin ra tnaqqis l-aħħar ġimgħat. Sandro Chetcuti jikkonferma u jgħid għalfejn

Aġenti tal-proprjetà li tkellmu mal-gazzetta ILLUM sostnew illi bħalissa s-settur tal-bejgħ tal-proprjetà jinsab prattikament wieqaf. Wieħed mill-aġenti li tkellimna miegħu sostna illi kemm ilu li waqa’ ħajt ta’ dar oħra f’Santa Venera, ftit biss wara li kienet waqgħet blokka fil-Mellieħa u ħarġu regolamenti ġodda, kollox donnu beda jieqaf. 

Mal-ILLUM, Sandro Chetcuti, il-President tal-Malta Developers’ Association (MDA) ammetta illi huwa vera illi kien hemm tnaqqis f’dan is-settur, li jfakkar illi fl-aħħar ħames snin kien għaddej minn tkabbir qawwi ħafna. 

“Iva, qed nesperjenzaw tnaqqis fil-qasam tal-bejgħ però ma nemminx li huma r-regoli l-ġodda li qed iwasslu għal dan,” sostna ma’ din il-gazzetta Chetcuti. 

‘Meta jkollok il-boom, kollox jinbiegħ. Imma meta jibda jonqos il-bejgħ...’

 “Ma nistax ngħid li ma ksirniex saqajna bl-inċidenti li ġraw, iżda tajjeb li ninnotaw ukoll illi maż-żmien daħlu ħafna nies fil-qasam tal-kostruzzjoni, Maltin u barranin.” 

Huwa jgħid illi l-MDA qed taħdem biex ikun hemm is-serjetà fil-qasam u biex kull min jopera f’dan is-settur ikollu l-kwalifiċi u jħaddem il-professjonalità meħtieġa. 

Dwar it-tnaqqis fil-bejgħ Chetcuti jgħid li din il-ġimgħa, “donnu reġa’ beda iqum ix-xogħol, imma għadu kmieni wisq biex ngħaddu ġudizzju.” 

Huwa qal ukoll illi llum il-fornitura tal-proprjetà żdiedet ħafna u allura koppji u individwi għandhom iktar għażla. Insista illi jista’ jkun li wara snin ta’ tkabbir, issa kien mistenni li s-suq jikkalma xi ftit. “Anzi ħames snin ta’ boom kienu ħafna,” jirrimarka Chetcuti. 

Hu jgħid illi jista’ jkun illi t-tnaqqis fil-bejgħ iwassal għal dik li sejħilha “korrezzjoni” ta’ prezzijiet li huma bil-wisq aktar mill-valur vera tal-proprjetà/jiet f’dik iż-żona. 

“Meta jkollok il-boom, kollox jinbiegħ. Imma meta jibda jonqos il-bejgħ il-proprjetà tibda tintgħażel iktar,” qal Chetcuti donnu biex jinsisti illi meta ma jibqax il-boom il-prezzijiet ikollhom jikkalmaw ukoll. 

Intant mal-illum.com.mt Chetcuti kien kritiku ħafna tal-bidliet illi għamel il-Gvern permezz tal-liġi tal-kera u qal li din il-liġi m’għamlet differenza ta’ xejn u li l-proposti tal-MDA ma kinux milqugħa.

More in Politika