Mill-ġdid: Klassijiet b'xejn għar-reviżjoni tas-SEC

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jgħid illi mill-2014 dawn il-klassijiet assistew 3,239 student b'investiment ta' €700,000

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nieda l-inizjattiva bla ħlas ta’ klassijiet ta’ revizjoni tas-SEC taħt il-Youth Guarantee Project, finanzjat mill-Unjoni Ewropea għas-sitt sena konsekuttiva. Din l-inizjattiva hija mmirata għall-istudenti li se jkunu qed jagħmlu r-resits fil-Bioloġija, l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika f’Settembru.

Sa mill-bidu tagħhom fl-2014, il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC assistew lil aktar minn 3,239 student. B’investiment ta’ aktar minn € 700,000 mill-2014, l-istudenti qed ikunu assistiti u mħeġġa jkomplu l-esperjenza edukattiva tagħhom permezz ta’ opportunità oħra.

Il-klassijiet se jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat f’ċentri differenti madwar Malta u Għawdex u se jsiru mill-24 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awissu.  Studenti ta’ età bejn il-15 u l-24 sena li ġabu 6 jew 7 bħala marka, jew li kienu mmarkati bħala assenti f’xi wieħed mill-ħames suġġetti ewlenin imsemmija hawn fuq huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.

L-istudenti jistgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti, inkluża għażla ta’ suġġett tax-xjenza (Bioloġija jew Fiżika). Dan huwa kors intensiv li jitlob l-attenzjoni sħiħa tal-istudenti, speċjalment dawk li qegħdin jerġgħu jagħmlu eżami għal aktar minn suġġett wieħed.

L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.education.gov.mt/revision sal-Erbgħa 17 ta’ Lulju 2019, sa nofsinhar.

 

Għal iktar informazzjoni dwar il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC taħt il-Youth Guarantee Project wieħed jista’ jċempel fuq 2598 2280/1/2/3, iżur www.youthguarantee.edu.mt, jew iżur il-paġna ta’ Facebook – ‘Youth Guarantee Malta’.

 

Meta japplikaw għall-klassijiet preventivi, l-istudenti mhumiex qed japplikaw awtomatikament għall-eżami tar-resit, għalhekk wieħed irid japplika wkoll għar-resit mal-MATSEC.

 

Il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew – ninvestu fil-kapital uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet u nippromwovu l-benesseri tas-soċjetà.

 

More in Politika