Fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq illi, "kif dejjem għamel, il-gvern se jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-pajjiż. Adrian Delia messu ilu li nduna li l-Gvern ma jieħux vaganzi mix-xogħol. Dan kuntrarju għall-Oppożizzjoni li hi dejjem mehdiha fiha nnifisha."
Il-PL qal dan b'reazzjoni għall-istqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista ilbieraħ fejn talab lill-PM biex il-Parlament jibqa' jiltaqa' sakemm il-Kamra tkun tista' tiddiskuti u tivvota dwar mozzjoni jew liġi li tistabbilixxi l-ħatra ta' inkjesta pubblika u indipendenti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-PL żied jgħid illi, "kien ikun aħjar u aktar kredibbli kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni jiddiżassoċja ruħu minn Membru Parlamentari tiegħu li uża l-ħin tiegħu biex jitma’ miżinformazzjoni dwar Malta lill- Kunsill tal-Ewropa."
Il-ġimgħa l-oħra l-Ministru Carmelo Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed isejjaħ inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia fi żmien tlett xhur.