Investigat fuq korruzzjoni u jaf jispiċċa fil-Parlament
Jekk Edward Scicluna jkun innominat u approvat bħala Kummissarju Ewropew, Charles Azzopardi jaf ikun elett f'elezzjoni każwali
More in Politika
Jekk Edward Scicluna jkun innominat u approvat bħala Kummissarju Ewropew, Charles Azzopardi jaf ikun elett f'elezzjoni każwali
L-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi, li qed jiġi investigat fuq korruzzjoni u ma tħalliex jikkontesta mill-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali li għaddiet, jaf jispiċċa fil-Parlament f’elezzjoni każwali jekk il-Kummissjoni Ewropea tagħżel lill-Ministru tal-Ekonomija Edward Scicluna bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-KE.
Dan għaliex skont informazzjoni li għandha din il-gazzetta, Scicluna u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, Helena Dalli mistennija jkunu ż-żewġ persuni nnominati mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-Kummissarju tal-Ewropa.
Jekk il-Kummissjoni Ewropea tagħżel lill-Ministru Edward Scicluna għall-Kummissarju Ewropew, ikollhom jerġgħu jinfetħu l-kaxxi tas-seba’ distrett u sseħħ elezzjoni każwali bil-possibbiltà li kemm l-eks Sindku Rabti Charles Azzopardi u anke Gavin Gulia, Jeffrey Pullicino Orlando u Ian Castaldi Paris ikunu fiċ-ċans li jiġu eletti.
Ta’ min jinnota wkoll li kull kandidat eliġibbli għall-elezzjoni każwali jrid jiddikjara l-intenzjoni tiegħu u l-ħajra li jikkontesta s-siġġu vakanti.
Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM ippruvat tagħmel kuntatt ma’ Azzopardi biex tistaqsih dwar l-intenzjonijiet tiegħu, jiġifieri jkunx lest li jitfa’ ismu f’każ li l-Kummissjoni Ewropea tagħżel lill-Ministru Scicluna. Minkejja diversi tentattivi, sal-ħin li morna għall-pubblikazzjoni, Azzopardi kien għadu ma weġibx.
F’Mejju illi għadda din il-gazzetta kienet żvelat li l-Pulizija qed tinvestiga allegazzjonijiet serji ta’ miżapproprijazzjoni, korruzzjoni u nepotiżmu fil-konfront ta’ Azzopardi u numru ta’ nies qrib tiegħu.
Apparti minn hekk f’Diċembru tas-sena li għaddiet, Azzopardi kien ħareġ jikkritika lill-Partit Laburista wara li dan ma tħalliex jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.
Huwa kien qal li ġie magħsur bħal lumija u intrema. Azzopardi kien ukoll mistieden għal intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Net TV.
Minkejja n-nominazzjonijiet ta’ Malta, l-għażla finali hi għad-diskrezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea li issa hi Ursula von der Leyen. Imbagħad l-għażla finali trid tgħaddi mit-test tal-Parlament Ewropew li jiddeċiedi b’maġġoranza japprovax lill-Kummissarji jew le.
X’kienet żvelat l-ILLUM fuq l-eks Sindku Charles Azzopardi?
L-ILLUM kienet żvelat li l-Pulizija qed tinvestiga allegazzjonijiet serji ta’ miżapproprijazzjoni, korruzzjoni u nepotiżmu fil-konfront tal-eks Sindku tar-Rabat u numru ta’ nies qrib tiegħu.
Sorsi li tkellmu mal-ILLUM kienu spjegaw kif bejn is-sena 2014 u l-2017, ġew irreġistrati diversi pagamenti dubjużi minn nies viċin is-Sindku u li qajjmu suspett kbir ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi u korruzzjoni.
Dan kollu kien jirriżulta minn rapport ta’ 16-il paġna minn whistleblower fi ħdan il-Kunsill Lokali stess. Il-Pulizija saħansitra marru fil-bini tal-Kunsill Lokali u ħadu xi dokumenti relatati ma’ xogħol tal-kunsill.
Minkejja dan fir-risposta tiegħu mal-ILLUM, Azzopardi kien insista li biex il-Kunsill jlaħħaq mal-esiġenzi tal-lokalità, bilfors kellu jagħmel użu minn numru ta’ direct orders b’numri tal-VAT differenti.